“Il-miżuri m’għandhomx jaffettwaw id-drittijiet tal-passiġġiera” – Il-KE lil Sant

Alfred Sant

Il-Kummissjoni Ewropea wieġbet lill-Membru Parlamentari Ewropew Malti Alfred Sant dwar id-drittijiet tal-passiġġiera tal-ajru, u qalet li dawn jibqgħu applikabbli matul il-pandemija tal-Covid-19.

Fit-tweġiba tagħha, il-Kummissarju Ewropew għat-Trasport Adina-Ioana Valean stqarret li l-miżuri nazzjonali biex jappoġġjaw l-industrija m’għandhomx inaqqsu dawn id-drittijiet tal-konsumatur.

Alfred Sant għamel xi mistoqsijiet parlamentari li jiffokaw fuq l-azzjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-linji tal-ajru kif ukoll dwar l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom ikunu qed jissorveljaw li d-drittijiet tal-passiġġiera tal-ajru qed jiġu rispettati. Dawn il-mistoqsijiet kienu sottomessi wara mistoqsija oħra magħmula minn Sant f’Lulju dwar ir-rimborż ta’ biljetti tal-ajru kkanċellati waqt il-pandemija.

Il-Kummissarju Ewropew għat-Trasport iddikjarat li d-dritt tal-passiġġiera li jirċievu rimborż fi flus jekk jixtiequ kien enfasizzat fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Marzu dwar ir-regolamenti tad-drittijiet tal-passiġġiera fl-UE kif ukoll fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Mejju dwar vawċers.

F’dan il-kuntest, fl-14 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni bagħtet ittri lill-Istati Membri kollha biex tħeġġiġhom jiżguraw li r-regolamenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġiera jiġu applikati b’mod korrett.

Wara dan l-iskambju ta’ ittri, fit-2 ta’ Lulju, il-Kummissjoni fetħet proċeduri kontra żewġ Stati Membri, l-Italja u l-Greċja, talli adottaw leġiżlazzjoni li tikkontradixxi l-qafas legali tal-UE. Iż-żewġ pajjiżi ħadu miżuri li ma jikkonformawx mar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġiera tal-ajru u dwar l-ivvjaġġar fuq il-baħar.

Fit-tweġiba bil-miktub tagħha lil Alfred Sant, il-Kummissjoni qalet li bħalissa qed tikkonsidra t-tweġibiet minn dawn l-Istati Membri u qed tinvestiga wkoll is-sitwazzjoni fis-27 Stat Membru kollha u għal dan il-għan talbet li tirċievi sa tmiem Ottubru 2020 informazzjoni dettaljata dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġiera mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri permezz tal-mekkaniżmu ta‘ djalogu tal-EU Pilot.