Il-miżuri jibdew jittaffew fil-Belġju fl-4 ta’ Mejju

REUTERS/Yves Herman

Read in English.

Il-Belġju għandu l-ħsieb li jibda jtaffi l-miżuri restrittivi tal-coronavirus mill-4 ta’ Mejju, b’għadd ta’ fażijiet għall-ftuħ mill-ġdid ta’ ħwienet u negozji tul ix-xahar.

Ir-restrizzjonijiet fil-pajjiż, li huwa wieħed mill-pajjiżi li ntlaqtu l-agħar mill-Covid-19, bħalissa jippermettu biss il-bejgħ tal-ikel, ta’ manutenzjoni għad-dar, ta’ pjanti u spiżeriji, u ħafna nies qegħdin jaħdmu minn djarhom.

Il-Prim Ministru Sophie Wilmes qalet f’konferenza tal-aħbarijiet ilbieraħ li wara seba’ sigħat ta’ diskussjonijiet il-Belġju jew iħarrax il-miżuri jew jillaxkahom, skont is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-poplu.

Qalet li filwaqt li wasal iż-żmien li jħarsu fil-futur, il-coronavirus ma sparixxiex, għadu preżenti u għadu ta’ periklu. Żiedet tgħid li waqt li l-pajjiż jgħaddi mill-fażi li jmiss, hu essenzjali li n-nies jibqgħu jħarsu l-miżuri ta’ sigurtà. Sabiex ineħħu l-lockdown, iridu jsiru bejn 25,000 u 30,000 test għall-coronavirus kuljum. Il-contact-tracing se jsir minn tim ġdid ta’ 2,000 impjegat.

X’se jinbidel?

Mill-4 ta’ Mejju, iżjed negozji se jitħallew jiftħu. In-nies se jkunu permessi jiltaqgħu ma’ żewġ persuni oħra li ma joqogħdux magħhom, bil-kundizzjoni li jkunu barra, u li xorta jżommu d-distanza bejniethom. Adulti u tfal ta’ 12-il sena u aktar iridu jilbsu l-maskri meta jużaw it-trasport pubbliku. Għal dan il-għan, ħwienet li jbigħu d-drapp jew il-materjal għall-ħjata se jkollhom jiftħu.

Ġimgħa wara, se jitħallew jiftħu l-ħwienet kollha, imma taħt kundizzjonijiet stretti ta’ tbegħid soċjali.

F’fażi oħra li tibda fit-18 ta’ Mejju, l-iskejjel jerġgħu jilqgħu lil xi studenti, imma l-klassijiet irid ikollhom massimu ta’ 10 studenti. In-nies jistgħu jilqgħu lil nies fi djarhom, imorru ġo mużew jew għand tax-xagħar.

Il-kafetteriji u r-ristoranti, flimkien ma’ xi attrazzjonijiet turistiċi, mhumiex se jiftħu qabel it-8 ta’ Ġunju. Vjaġġi barra mill-pajjiż jew t’aktar minn jum wieħed mhux se jitħallew isiru qabel din id-data.

Dan il-proċess fil-Belġju jixbah xi ftit lil dak addottat mill-pajjiżi ġirien. L-Olanda se tiftaħ l-iskejjel primarji fil-11 ta’ Mejju, il-Ġermanja diġà ħalliet lil ħwienet ġodda jiftħu mill-ġdid, u l-iskejjel se jerġgħu jiftħu fl-4 ta’ Mejju, filwaqt li fi Franza l-lockdown jispiċċa fil-11 ta’ Mejju.

Il-Belġju għandu 44,293 każ ikkonfermat tal-coronavirus, u mietu 6,679 persuna.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn