Il-miżuri għandhom jitneħħew ftit ftit – Kulleġġ tal-Patologi

Miguela Xuereb

Il-Kulleġġ Malti tal-Patologi qal li l-miżuri b’rabta mal-coronavirus għandhom jitneħħew ftit ftit.

Fi stqarrija l-Kulleġġ qal li huwa nkwetat li ħafna restrizzjonijiet soċjali b’rabta mal-coronavirus se jitneħħew fil-ġimgħat li ġejjin. Il-Kulleġġ qal li kienet l-introduzzjoni ta’ dawn il-miżuri li wasslet lil Malta biex tevita sitwazzjonijiet kif kien hemm f’Bergamo, l-Italja u New York fl-Istati Uniti.

Il-Kulleġġ qal li l-miżuri għandhom jitneħħew ftit ftit. Dan biex jekk il-każi jerġgħu jibdew jiżdiedu, l-awtoritajiet ikunu jistgħu jidentifikaw liema tneħħija ta’ miżura tkun wasslet għaż-żieda. Din imbagħad tkun tista’ terġa’ tidħol fis-seħħ.

Il-Kulleġġ ma jistax jifhem kif l-awtoritajiet iddeċidew li jneħħu r-restrizzjonijiet fuq it-titjiriet kollha fil-15 ta’ Lulju. Dan peress li l-ewwel titjiriet se jibdew biss ġimagħtejn qabel, l-istess perjodu daqs l-incubation period tal-COVID-19. L-incubation period jirreferi għan-numru ta’ ġranet li jgħaddu minn meta wieħed ilaqqat il-virus sakemm jibdew joħorġu s-sintomi.

Il-Kulleġġ qal li jekk l-awtoritajiet ħadu xi pariri mill-ispeċjalisti, huma ma jafu b’xejn dwar dan. Il-Kulleġġ appella lill-Gvern biex jippubblika r-risk assessments dwar it-tneħħija tad-dikjarazzjoni tal-emerġenza tas-saħħa pubblika u dwar it-tneħħija tal-prekawzjonijiet ta’ kontra l-coronavirus.

Il-Kulleġġ spjega li jidher li l-immunità għall-COVID-19 fost il-Maltin tista’ tkun baxxa daqs 1%. Żiedet tgħid li dan ifisser li l-bqija tal-popolazzjoni tista’ tlaqqat il-virus. Temmet tgħid li jkun ħasra jekk ix-xogħol kollu li sar fl-aħħar tliet xhur jintilef minħabba l-għaġġla biex il-pajjiż imur lura għan-normalità.