Il-miżuri fis-seħħ mhux biżżejjed biex jonqsu l-każijiet – professjonisti tas-saħħa

Jikkundannaw il-protest ġudizzjarju ta' 62 persuna

people-wearing-masks-valletta-2
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-professjonisti tas-saħħa kkundannaw il-protest ġudizzjarju li jeħodha kontra l-miżuri fis-seħħ kontra l-coronavirus. Dawn qalu li anzi, il-miżuri fis-seħħ mhumiex biżżejjed biex inaqqsu l-għadd ta’ infezzjonijiet, ta’ persuni li jittieħdu l-isptar minħabba l-Covid-19 u l-għadd ta’ mwiet.

Fi stqarrija, għadd ta’ assoċjazzjonijiet ta’ professjonisti mediċi sejħu l-protest ġudizzjarju wieħed mimli allegazzjonijiet bla sens mingħajr bażi xjentifika, li huma perikolużi fi klima ta’ messaġġi kunfliġġjenti.

Dan il-protest tressaq minn 62 persuna kontra s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u jakkużahom li ħolqu “paniku” fuq il-pandemija.

Il-professjonisti qalu li huma mhumiex kuntenti bin-numri “stabbli” ta’ każijiet ġodda ta’ kuljum peress li dawn xorta waħda huma għoljin. Semmew kif l-Isptar Mater Dei qed ibati biex ilaħħaq mal-pazjenti li huma morda bil-Covid-19 serjament, u dan qed ikollu effett negattiv fuq is-saħħa tal-popolazzjoni kollha, peress li xi servizzi tas-saħħa oħra ħadu daqqa minħabba dan.

“Jekk ikellmu lill-ħaddiema fl-ITU jkunu jafu l-Covid-19 huwiex veru jew le”

Huma sejħu lil dawk li ressqu l-protest persuni irresponsabbli. Qalu li kulma jingħad fil-protest huwa kontradizzjoni ta’ evidenza xjentifika. Spjegaw li l-imwiet bil-Covid-19 huma tal-anqas 10 darbiet aktar milli l-imwiet bl-influwenza. Qalu li pubblikazzjoni wara l-oħra, juru kemm hu importanti u effettiv l-ilbies tal-maskri. Apparti hekk, isemmu kif għall-kuntrarju ta’ dak li jgħid il-protest, l-iswab tests huma sensittivi ħafna u speċifiċi.

Qalu li biex ikunu jafu l-Covid-19 huwiex veru jew le, misshom ikellmu lill-ħaddiema fil-kura intensiva u fis-sala tal-mard infettiv, li jaħdmu mal-pazjenti morda bil-Covid-19.

Il-professjonisti żiedu jgħidu li bħalissa huwa importanti li kulħadd jaħdem flimkien biex jiġu evitati aktar effetti negattivi fuq is-saħħa u l-ekonomija.

L-istqarrija kienet iffirmata mill-Kulleġġ Malti tal-Patologi, il-Kulleġġ Malti tat-Tobba tal-Familja, il-Kulleġġ Malti tal-Ginekologi, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mediċina tas-Saħħa Pubblika, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Kirurgi, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Oftalmologi, l-Assoċjazzjoni Maltija tar-Radjologi u tal-Mediċina Nukleari, l-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dermatologi u tal-Venereoloġija, is-Soċjetà Maltija tal-Qalb, l-Assoċjazzjoni tal-Anestetisti f’Malta, l-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema tal-Emerġenza f’Malta, l-Assoċjazzjoni tal-Kirurgi Ortopediċi u tat-Trawma, u s-Soċjetà tal-Mediċina Ġerjatrika.