“Miżuri aħjar imma fadal x’jista’ jsir” – PN

Il-Partit Nazzjonalista sostna li filwaqt li t-tielet pakkett finanzjarju li ħabbar il-Gvern ilbieraħ huwa aħjar minn dawk ta’ qabel, “għad fadal ħafna x’jista’ jsir”.

Ilbieraħ filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar sett ta’ miżuri finanzjarji ġodda sabiex jgħin setturi speċifiċi fid-dawl tal-problemi li ġab miegħu l-COVID-19. Diversi imsieħba soċjali esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għall-miżuri l-ġodda li ħabbar il-Gvern ilbieraħ. Il-miżuri ġew imfassla wara laqgħat twal li saru mal-istess imsieħba soċjali. Fost il-miżuri li ħabbar, il-Gvern qal li se jħallas €800 fix-xahar lill-ħaddiema tar-ristoranti u tal-akkomodazzjoni fost oħrajn.

Fi stqarrija b’reazzjoni għal dak li qal il-Gvern ilbieraħ, il-Partit Nazzjonalista qal li dan huwa t-tielet pakkett li tħabbar mill-Gvern fi ftit jiem. B’hekk sostna li huwa “xiehda ta’ Gvern li dejjem qiegħed jirreaġixxi tard u bil-mod wisq quddiem sitwazzjoni li tirrikjedi azzjoni fil-pront.”

Il-PN sostna li l-Gvern kien sfurzat joħroġ bil-proposti tal-bieraħ wara li kien affaċċjat minn kritika qawwija hekk kif l-ewwel żewġ pakketti ma kienux adegwati. Hu ddeskriva l-ewwel żewġ pakketti bħala “żewġ tentattivi fjakki”. Semma wkoll li l-Gvern inkluda proposti li kienet għamlet l-Oppożizzjoni u li kienu ġew ikkritikati mill-istess Gvern.

Il-PN irrimarka li “numru ta’ ħaddiema u professjonisti li jaħdmu f’numru ta’ setturi mhux se jiġu koperti minn dawn il-miżuri minkejja li huma wkoll qed ibatu tbatija kbira b’riżultat tal-kriżi ekonomika.” Il-Partit sostna li minn 164,000 impjegat fis-settur privat li kollha se jintlaqtu ħażin minn din is-sitwazzjoni, b’dan il-pakkett finanzjarju, il-Gvern għażel li jgħin bis-serjetà 60,000 biss. Irrimarka li l-Gvern, lill-bqija tal-ħaddiema, qed iqishom bħala ħaddiema tat-tieni klassi “jew billi ma’ jagħtihom l-ebda għajnuna jew inkella billi jagħtihom għajnuna li ma’ tiswa xejn.”

Intant, il-Partit Nazzjonalista reġa’ enfasizza mill-ġdid il-bżonn ta’ roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma fiż-żmien meta ħafna min-nies qed iqattgħu iżjed ħin id-dar u allura jikkonsmaw iżjed. Irrimarka li bħalissa l-prezz taż-żejt qiegħed fl-iktar livell baxx li qatt niżel fih fl-aħħar snin.  Intant appella lill-Gvern biex b’mod immedjat twaqqaf il-kirijiet tal-Gvern sakemm is-sitwazzjoni tirritorna għan-normal.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn