Il-MITLA mħassba dwar kif qed jiġi applikat id-dritt li tkun minsi

L-Assoċjazzjoni Maltija dwar il-Liġi tat-Teknoloġija Informatika (MITLA) qalet li tinsab imħassba ferm dwar kif fl-aħħar jiem ġiet applikat id-dritt li tkun minsi fil-każ ta’ individwi, għax argumentat li lanqas hemm regoli ċari kif dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat.
Barra minn hekk il-MITLA qalet li hi frustranti tisma’ lill-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici, jgħid lill-midja li qatt ma kien hemm diskussjoni dwar kid dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat, għax qalet li fl-2015 kienet bagħtet imejl lill-Ministru biex jiddiskutu dan is-suġġett.
L-Assoċjazzjoni innutat li dan id-dritt mhuwiex wieħed assolut, u jrid jiġi kkunsidrat fi żwieġ ma’ bosta fatturi oħra, fosthom l-interess pubbliku u l-persuna li isimha jkun se jiġi mħassar minn xi reġistru, kif ukoll it-tip ta’ informazzjoni li tkun se titħassar.
Riċentement każ simili seħħ meta isem żewġ avukati friski tneħħa mill-ħażna ta’ ismijiet onlajn tal-Qorti, li fiha jkun hemm l-ismijiet ta’ kull min ikiser il-liġi.
Iż-żewġ avukati fil-passat kienu nstabu ħatja ta’ frodi.
Bonnici kien iddefenda fil-Parlament id-deċiżjoni tar-reġistratur tal-Qorti biex iħassar l-ismijiet taż-żewġ avukati.
Sadanittant, il-MITLA elenkat 4 prinċipji li jidhrulha li huma essenzjali meta wieħed jiġi biex jikkunsidra li jikkonċedi dan id-dritt lil ħaddieħor, jiġifieri t-trasparenza, il-leġittimità, il-ġustifikabbiltà, il-proporzjonalità u n-neċessità.
Ikkonkludiet billi pproponiet li jitqanqal dibattitu nazzjonali sabiex jiġu introdotti liġijiet ġodda dwar ir-rijabilitazzjoni ta’ min jikser il-liġi, kif ukoll l-impatt tagħhom fuq id-dritt li tintesa.
“Huwa biss billi jinstab bilanċ bejn id-dritt li tintesa u d-dritt tal-interess pubbliku li jrid jiġi kkunsidrat it-tħassir ta’ ismijiet mill-ħażna tal-Qorti li hemm onlajn”, ittem l-istqarrija.
Aqra l-istqarrija sħiħa bl-Ingliż minn hawn taħt.