Il-MITA tgħid li mhix tiċċensura l-websajt tal-PN dwar il-fuels

L-aġenzija tal-Gvern, il-MITA fi stqarrija qalet li mhux minnu li wettqet xi forma ta’ ċensura fuq is-sit elettroniku li għadu kif tnieda mill-Partit Nazzjonalista dwar il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.
Il-MITA qed issostni li ma kienx qed ikun hemm aċċess għall-websajt minħabba sistema li tikkategorizza s-siti b’mod awtomatiku.
L-istqarrija tal-MITA tgħid li l-web filtering isir biex kontinwament u b’mod awtomatiku tpoġġi f’kategoriji s-siti elettroniċi biex tipproteġi n-network tal-Gvern.
Il-MITA qalet li dan il-proċess ilu jsir bosta snin u li l-websajt tal-PN reġgħet ġiet aċċessibbli fi ftit minuti.
Ftit tal-ħin wara li ġiet imnedija l-websajt www.dieselupetrol.com, is-sit maltarightnow.com irrapporta li l-MITA kienet waqqfet l-aċċess għal din il-websajt.