“Il-mistoqsijiet dwar Schembri fit-tieġ ta’ sid Pilatus Bank mhix affari tal-pubbliku” – L-Ispeaker

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia jgħid li mistoqsijiet dwar il-preżenza taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri fit-tieġ taċ-Ċermen ta’ Pilatus Bank Ali Sadr mhix affari tal-pubbliku.
Qal ukoll li s-sede ma kinitx se taċċetta mistoqsijiet parlamentari li saru mid-deputati Nazzjonalisti Simon Busuttil u Jason Azzopardi.
F’ruling li ta fil-bidu tas-seduta parlamentari, l-Ispeaker qal li hu ħa parir legali li kkonferma li dawn il-mistoqsijiet imorru kontra l-ordnijiet permanenti tal-Kamra għax fi kliemu l-mistoqsijiet għandhom isiru dwar l-operat uffiċjali u mhux dwar l-operat mhux uffiċjali tal-ministri.
Hu għamel refernza għall-ordnijiet permanenti tal-House of Commons fejn qal li dawn jinsistu li lanqas jista’ jsir dibattitu fil-Parlament jew jitqajjem point of order fuq id-deċiżjoni tal-Ispeaker.
Sostna li minkejja dan, id-deputati Nazzjonalisti xorta ħassew li kellhom jiddibattu d-deċiżjoni tal-Ispeaker.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia qara parir legali li fih intqal li l-preżenza ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri fit-tieġ ta’ Ali Sadr mhux affarijiet pubbliċi li dwarhom jistgħu isiru mistoqsijiet parlamentari.