Ritratti: Il-Misteru tan-Nannu Ton lura fuq it-TV

Mit-Tlieta 20 ta’ Lulju, fl-10.15am, TVM se jerġa’ jibda jxandar is-sensiela mmirata lejn it-tfal, Il-Misteru tan-Nannu Ton. Kuljum, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, se jkunu qed jixxandru żewġ puntati wara xulxin.

B’kitba ta’ Domnic Said, direzzjoni ta’ Frida Cauchi u produzzjoni ta’ Hermann Bonaci, din il-ġrajja toħodna wara li jmut in-nannu Ton. Il-mewta tiegħu hi waħda misterjuża. Wara din il-mewt il-kamra tiegħu tibqa’ magħluqa.

Mark u Sharon, in-neputijiet, dejjem kienu avżati min-nannithom biex ma jersqux lejn dik il-kamra. Kienet donnha qed iżżomm xi misteru kbir mistur f’dik il-kamra. It-tfal, ta’ tfal li huma, xi ħaġa hekk ikunu qegħdin jistennew. Dan żgur li qanqal ħafna kurżità f’Mark u Sharon u ftit ftit raw kif jistadu lin-nanna Dolor biex jidħlu fil-kamra bla ma hi tinduna.

Darba minnhom jħallu lil nannithom toħroġ, jagħmlu l-kuraġġ u jidħlu. Għall-ewwel jibqgħu skantati għax minn dak kollu li mmaġinaw li se jsibu ma jsibu xejn. Il-kamra kienet mimlija bl-imbarazz u fit-tfal jitħassbu għala n-nanna ma riedetx tħallihom jidħlu hemm.

Fost il-ħafna imbarazz, jinnutaw kaxxa antika li fiha jkun hemm qishom xi xemgħat f’forma ta’ xi ħaġa Eġizzjana. Huma jixgħelu waħda minnhom u ħin bla waqt isibu rwieħhom f’dinja oħra, dinja differenti, dinja mimlija fantasija, misteru u seħer.

Dan huwa biss il-bidu tal-ġrajja.

Il-Misteru tan-Nannu Ton hi produzzjoni tal-2011 li fiha jieħdu sehem Jurgen Ciantar, Carly Zarb, Raoul Briffa, Dylan Hili, Amarea Camilleri, Rebecca Ferrante, Louise Cassar u Mike Mifsud fost ohrajn.