“Il-missjunarji Maltin iħallu effett sabiħ bil-ħidma tagħhom” – L-Arċisqof

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna sostna li l-missjunarji Maltin f’komunitajiet madwar id-dinja iħallu effett sabiħ tal-ħidma tagħhom.

Dan qalu fil-messaġġ tiegħu għall-Ġurnata Missjunarja li qed tiġi ċċelebrata llum fix-xahar ta’ Ottubru, fl-istess żmien li fih l-isqfijiet minn madwar id-dinja jinsabu fil-Vatikan mal-Papa Franġisku biex jitolbu u jiddiskutu dwar iż-żgħażagħ, il-vokazzjonijiet u d-dixxerniment.

L-Arċisqof spjega kif il-Papa, fil-messaġġ tiegħu f’din il-ġurnata fakkar li ż-żgħażagħ huma wkoll imsejħa għall-vokazzjoni missjunarja fl-ambjent tagħhom, kemm jekk fl-istudju, fid-divertiment, fl-arti u anke l-kultura. L-Arċisqof insista li “ż-żgħażagħ iridu jkunu missjunarji tal-ferħ tal-Evanġelju, missjunarji tas-safa li jirrispettaw wieħed lill-ieħor, missjunarji tal-ġustizzja soċjali u missjunarji tal-imħabba lejn il-fqir”.

Aċċena għat-talb sabiex ikun hawn aktar vokazzjonijiet missjunarji. Spjega li f’Malta u anke Għawdex hawn tradizzjoni ta’ saċerdoti, reliġjużi u anke lajċi li jitilqu kollox biex imorru f’artijiet u ambjenti missjunarji u hemm ixandru l-ferħ tal-Evanġelju. It-talb tal-Arċisqof hija dik li aktar żgħażagħ “jitqanqlu bl-ispirtu ta’ ġenerożità” u wara esperjenzi qosra ta’ volontarjat jittħajru jagħtu ħajjithom biex ixandru l-Evanġelu madwar id-dinja.