Il-missjoni tal-Kattoliċi hi li jkunu dixxipli missjunarji

L-Arċisqof Josè Gomez dwar l-impenn tal-Kattoliċi

L-Arċisqof Josè Gomez ta’ Los Angeles meta tkellem dwarl-impenn tal-Kattoliċi qal li “Bħala Kattoliċi aħna nemmnu li kull ħajja umana titwieled mix-xewqa tal-Ħallieq li jafna u jħobbna. Hu joħloq lil kull wieħed u waħda minnha b’ġisem mortali u ruħ immortali u lkoll kemm aħna maħluqa fuq xbiha Tiegħu ilkoll bid-dinjità ta’ ulied Alla.

Fl-istqarrija tiegħu publikata minn “Angelus News”, l-Arċisqof Gomez inisista li dan it-twemmin bażiku dwar is-santità tal-ħajja u d-dinjità ta’ kull persuna għandu jfassal il-mod kif ngħixu u naħdmu, kif nitrattaw mal-oħrajn u kif nieħdu ħsieb id-dinja ta’ madwarna.

Sfida kbira

“Li nżommu identità Kattolika vera u nifhmu li qabel kull ħaġa oħra aħna segwaċi ta’ Kristu, hi dejjem sfida kbira. U fl-Amerika llum, din l-isfida qed tikber. Donnu li kull aspett ta’ ħajjitna qed ikun politiċizzat.

“Qed ngħixu f’kultura konfuża u maqsuma dwar kwestjonijiet bażiċi, bħal xi tfisser li  tkun uman u x’inhu dak li jwassal għall-ferħ uman. Dan narawh f’diversi argument li jqumu llum fis-soċjetà dwar ir-razza u l-ġeneru, l-abort, l-ewtanasja, iż-żwieġ, il-familja, l-ambjent jew l-ekonomija.

“Bħala Kattoliċi, għanda bżonn li nidħlu f’dawn id-dibattiti politiċi u kulturali għax fil-qalba ta’ dawn il-kwestjonijiet hemm kunflitt fuq il-persuna umana li ħalaq Alla u li għaliha Kristu miet biex jifdi. Imma rridu nifhmu l-impenji tagħna mhux f’termini politiċi, imma fit-termini tal-Evanġelju, it-tagħlim tal-Knisja u x-xiehda li tawna l-Qaddisin.

“Il-missjoni tagħna bħala Kattoliċi hi li nkunu dixxipli missjunarji. Din hi l-unika raġuni għal ħajjitna – li nsiru nafu u nħobbu lil Alla u naqdu l-pjan tiegħu għas-salvazzjoni tad-dinja.

“Jekk irridu nkunu n-nies kif iridna Alla, jekk se nġeddu u nirrestawraw il-Knisja u nibnu mill-ġdid is-soċjetà, allura rrirdu nkunu dedikati li ngħixu l-identità Kattolika u nikkomunikaw din l-identità f’kulma nagħmlu, mill-iskola u l-edukazzjoni reliġjuża għal mod kif ngħixu l-fidi tagħna fis-soċjetà.

Soċjetà ta’ mħabba

“B’mod prattiku dan ifisser li naraw li l-familji u l-ġirien tagħna jagħrfu l-imħabba t’Alla, ifisser li naħdmu għal soċjetà ta’ mħabba u kumpassjoni li taqdi l-persuna umana. Għalhekk għandna nitħassbu bis-serjetà dwar  id-deċiżoni  tal-Gvern Amerikan li jerġa’ jintroduċi l-piena tal-mewt fuq livell federali.

“Kull persuna hi prezzjuża u sagra, anke dawk kundannati għall-agħar delitti. Hemm modi oħra kif tikkastiga lill-kriminali bla ma ċċaħadhom miċ-ċans li jibdlu ħajjithom u jkunu riabilitati permezz tal-ħniena t’Alla.

“Irridu nżommu fiċ-ċentru tal-perspettiva dwar l-imigrazzjoni, l-imħabba t’Alla għall-bniedem. Il-mexxejja politiċi tagħna – fuq iż-żewġ naħat – għadhom qed jesplojtjaw it-tbatija tal-emigranti u r-refuġjati għall-vantaġġ politiku tagħhom. Dan ilu jsir għal bosta snin. Dan hu kiefer u ħażin u għandu jieqaf.

“Qed nitkellmu dwar persuni umani bi xhiha ta’ Alla. Dawn ħutna. ‘L hinn mil-liġi, mill-politika, għandna. dover li niftħu qalbna u naraw dawn in-nies x’għandhom bżonn. Dan għandu jkun il-bidu ta’ kull soluzzjoni umana u raġjonevoli għal dawn il-problemi kumplikati.

Inħobbu t-tarbija fil-ġuf

“L-istess dover ta’ mħabba rridu nuruh lejn it-tarbija fil-ġuf u n-nisa li qed jiffaċċjaw kriżi fit-tqala tagħhom. Bħalissa f’California hemm propost liġi li trid li l-kulleġġi u l-universitajiet kollha f’dan l-istat joffru lill-istudenti tagħhom aċċess liberu għall-pillola abortiva. Imma soċjetà ħanina messu għandha ferm aktar x’toffri lin-nisa fil-bżonn aktar mill-kapaċità li jtemmu l-ħajja tat-tfakl qabel jitwieldu.

“Bħala Kattoliċi rridu nopponu dan l-attentat biex niftħu l-abort għaż-żgħażagħ tagħna. Għalhekk nappellalkom biex tgħidu lid-deputati tagħkom biex jivvutaw kontra din il-liġi. Din il-liġi għandha tkun megħluba u naħdmu biex insibu modi ġodda kif ngħinu lin-nisa tqal u lill-ommijiet li jaħdmu li qed jippruvaw ikomplu jistudjaw.

“Ejjew nitolbu lill-Madonna biex tgħinha nibqgħu fidili għas-sejħa ta’ Kristu u għall-viżjoni tiegħu ta’ soċjetà li tixraq lill-persuna umana”, temm jgħid l-Arċisqof Gomez.