Il-missirijiet ibatu kważi daqs l-ommijiet mid-depressjoni wara t-twelid

Id-depressjoni wara t-twelid issa hi kważi komuni indaqs bejn il-missirijiet u l-ommijiet ġodda.

Studju ġdid mill-Università ta’ Indiana jitfa’ dawl fuq ir-realtà tad-depressjoni fl-irġiel wara t-twelid ta’ tarbija, magħrufa wkoll bħala baby blues.

Instab li 4.4% tal-missirijiet fl-istudju rriżultaw pożittivi għad-depressjoni – meta mqabbla ma’ 5% tal-ommijiet.

L-istudju mmexxi minn Dr Erika Chang analizza r-risposti tal-ġenituri f’aktar minn 9,500 żjara fil-kliniċi.

Il-missirijiet attendew għal inqas minn terz tal-appuntamenti fil-kliniċi, fejn intalbu jimlew kwestjonarju dwar sintomi tad-depressjoni.

Il-ġenituri kollha fl-istudju għandhom tfal taħt il-15-il xahar u l-istudju sar bejn Awwissu 2016 u Diċembru 2017.

Fl-istudju ppublikat fir-rivista JAMA Pediatrics, irriżultaw rati simili ta’ depressjoni bejn l-ommijiet u l-missirijiet ġodda.

L-ommijiet jiġu ċċekjati b’mod regolari għad-depressjoni u mat-12% huma affetwati fl-ewwel sena mit-twelid tat-tarbija.

Iżda għall-missirijiet jirriżulta li ma hemmx testijiet regolari, minkejja talbiet mill-missirijiet infushom u organizzazzjonijiet li jirrapreżentawhom.

Is-sintomi tad-depressjoni jinkludu esperjenza persistenti ta’ dwejjaq u burdata negattiva; persuna titlef l-interess u ma tieħux gost fl-affarijiet ta’ madwarha; diffikultà biex tibni relazzjoni mat-tarbija; problemi biex tikkonċentra u tieħu deċiżjonijiet u tevita l-kuntatt ma’ nies oħra.

Studji juru li t-tfal jistgħu ibatu fejn ikun hemm dipressjoni fost il-ġenituri. Il-ġenituri jistgħu ikunu inqas sensittivi għall-bżonnijiet tat-tfal, dan jista’ jwassal għal abbandun jew saħansitra abbuż.