Il-missier jidħol fl-isptar fit-tieni fażi tat-twelid – il-Professur Gauci

Read in English.

Il-Professur Charmaine Gauci kkonfermat li l-irġiel qed jitħallew jidħlu fl-isptar fit-tieni fażi tat-twelid. Il-Professur spjegat li minħabba li f’każijiet normali l-proċess tat-twelid huwa tieħed twil, daħlu fis-seħħ regolamenti biex inaqqsu r-riskju ta’ tixrid ta’ mard fl-isptar billi naqas il-ħin li fih il-missierijiet jistgħu jkunu mal-partner tagħhom fl-isptar.

Is-Superintendent għas-Saħħa pubblika kienet qed twieġeb il-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt fil-konferenza tal-aħbarijiet li fiha ħabbret li hawn 8 każijiet ġodda ta’ coronavirus.

Newsbook.com.mt rċieva għadd ta’ messaġġi dwar jekk il-partners ta’ dawk li jkunu se jwelldu jistgħux jidħlu magħhom fil-ward. Uħud minnhom qalu li mhux dejjem jitħallew.

Il-Professur spjegat li fl-isptarijiet inkluż f’Mater Dei mhux qed jitħallew viżitaturi minħabba trasmissjoni lokali. Hija qalet li hemm proċess twil sakemm il-mara twelled u għalhekk il-missier qed jitħalla jidħol fit-tieni fażi fejn hija qalet li l-aktar li jkun jista’ jgħin lill-mara. Hija stqarret li permezz ta’ dawn il-miżuri “nkunu qed nipproteġu l-kumplament tal-isptar”.

Intant, mal-elfejn persuna ffirmaw petizzjoni ndirizzata lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li fiha jitolbu biex isir is-swab test għall-coronavirus fuq il-ġenituri prospettivi biex jitħallew jesperjenza flimkien il-proċess sħiħ tat-twelid.

Il-petizzjoni tgħid li l-problema mhix il-ħin limitat li l-missier għandu fil-ward iżda n-nuqqas ta’ ttestjar minħabba li jekk ikun pożittiv għall-coronavirus xorta waħda jista’ jinfetta lill-omm, lit-tarbija u lill-midwife.

Il-firmatarji jitolbu biex is-swab test isir fuq il-missirijiet ukoll biex il-koppja flimkien tesperjenza l-uġiegħ u l-ferħ li ġġib miegħu it-twelid.