Il-missier għandu jingħata aċċess qabel u waqt il-twelid – Kunsill tan-Nisa

Read in English.

Il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa (KNN) qed jisħaq li l-missier għandu jingħata aċċesss biex ikun preżenti għaż-żjarat li omm tagħmel qabel it-twelid kif ukoll għal waqt il-ħlas.

Fi stqarrija l-KNN qal li l-preżenza tal-missier tul il-ħin kollu tal-ħlas jagħmel differenza kbira psikoloġika, fiżika, u mentali għas-sigurtà tan-nisa fil-ħlas. Il-KNN spjega li jaqbel bi sħiħ li jitpoġġew miżuri li jassiguraw il-protezzjoni tal-omm u tat-tarbija mill-COVID-19.

“Diversi nisa tqal ikkuntatjaw lill-KNN minħabba deċiżjoni li ttiehdet dan l-aħħar, fejn missirijiet mhux qed jitħallew jidħlu mal-omm meta din tkun qed twelled għajr fit-tieni stadju tal-ħlas. Din ir-restrizzjoni  qed tikkreja ansjetà fl-ommijiet u l-missirijiet qed iħossuhom imcaħħda minn esperjenza unika – fl-aktar mumenti li għandhom bżonn ikunu flimkien,” qal il-KNN.

Il-KNN qal li jinsab ferm preokkupat b’din is-sitwazzjoni preżenti, speċjalment fejn jikkonċerna l-mara.

“Bħal f’ħafna sitwazzjonijiet ta’ kriżi, n-nisa dejjem taw sehem bla limitu fi rwoli differenti meħtiega fil-komunità, għajnuna bħala careworkers fid-djar tal-anzjani, infermiera u tobba fl-isptarijiet u f’ħafna  sitwazzjonijiet oħra, jikkumbattu bhala frontliners,” qal il-Kunsill.

Il-KNN qal li s-sitwazzjoni poġġiet piż enormi fuq il-mara. Dan għaliex trid tagħmel is-sigħat tax-xogħol regolari filwaqt li teduka lit-tfal, iżżomhom okkupati, u tieħu ħsieb il-familja.

Fit-12 ta’ April il-Professur Charmaine Gauci kkonfermat li l-irġiel qed jitħallew jidħlu fl-isptar fit-tieni fażi tat-twelid. Il-Professur spjegat li minħabba li f’każijiet normali l-proċess tat-twelid huwa tieħed twil, daħlu fis-seħħ regolamenti biex inaqqsu r-riskju ta’ tixrid ta’ mard fl-isptar billi naqas il-ħin li fih il-missierijiet jistgħu jkunu mal-partner tagħhom fl-isptar.

F’dan iż-żmien tal-pandemija tal-coronavirus, nisa li jkunu qed jistennew tarbija qed jitqiesu bħala persuni vulnerabbli flimkien mal-anzjani u dawk li għandhom xi kundizzjoni medika oħra. Għaldaqstant, l-awtoritajiet tas-saħħa jħeġġuhom biex joqogħdu aktar attenti filwaqt li jaħslu jdejhom spiss u f’każ li jkollhom joħorġu jżommu d-distanza soċjali.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn