“Il-mismanagement li sibna f’Mater Dei hu fenomenali”- Prim Ministru

Waqt intervista fuq l-istazzjon tal-Partit Labursita il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar ir-review li għaddejja bħalissa fl-Isptar Mater Dei. Il-Prim Ministru qal li l-mismanagement u l-ħela li kienu identifikati s’issa huma fenomenali. Huwa qal li fiż-żmien li ġej se joħorġu dettalji dwar kif miljuni ta’ ewro kienu qed jinħlew f’affarijiet li ma jintużawx. Muscat qal ukoll li s’issa ma teżistix sistema waħda ta’ kontroll fuq ix-xiri tal-mediċini u lanqas fuq it-tibdil li jsir fuq il-karta s-safra. Huwa semma wkoll ir-rapport li ħareġ il-kummissarju tas-saħħa li kkonferma li s-sistema tax-xiri tal-Gvern qed twassal għall-problema tal-mediċini out of stock. Qal li l-Gvern se jindirizza dawn il-problemi biex is-sistema tas-saħħa titjieb.

Dwar il-prezz tal-gass, il-Prim Minstru tenna l-pożizzjoni tal-Partit Laburista fl-2008 li kien qal li l-ftehim ma jħarisx lejn l-interess tal-konsumatur. Joseph Muscat qal li kien għalhekk li l-Gvern talab lill-Awtorita’ tar-Riżorsi biex tirrevedi l-mekkaniżmu li bih jinxtara l-gas u saħaq li l-Gvern jixtieq li din is-soluzzjoni tkun implimentata sal-bidu tas-sena d-dieħla. Il-Prim Ministru qal li ma jistax jifhem kif fl-amministrazzjonijiet preċedenti, Malta qatt ma kella Ministeru għall-Enerġija li jiġbor fih oqsma li tant jaffettwaw lill-konsumaturi.

Il-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll dwar il-proċess tax-xiri taż-żejt. Huwa semma’ kif il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għadu ma qal xejn fuq dawn in-nuqqasijiet li ġraw ftit ilu. Huwa qal li s-skiet tal-Kap tal-Oppozizzjoni jfisser li Busuttil jibża’ li għandu ħafna xi jgħid. Muscat qal li Simon Busuttil ma jistax jiddistakka ruħu minn Austin Gatt li fi kliemu mexxa l-kampanja tal-Partit Nazzjonalista. Huwa sostna li għal kuntarju, dan il-Gvern ħa azzjoni u talab lill-Pulizija tinvestiga r-rapport tal-Awditur Ġenerali filwaqt li daħħal liġijiet bħal whistleblower act.

Dwar ir-riforma fil-ġustizzja l-Prim Ministru saħaq li l-Kummisjoni Ewropea ġibdet l-attenzjoni li t-telqa fil-ġustizzja żżomm lill-pajjiż milli jimxi l-quddiem. Il-Prim Ministru spjega li jekk illum jieqfu l-kawżi l-ġodda, dan ifisser tmien snin biex il-pajjiż jeħles il-kawżi b’lura.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar diskusjonijiet li għaddejin bħalissa biex is-servizz tal-Arriva jkun servizz ta’ kwalita’ għal minn jużah. Semma li prijorita’ għall-Gvern huma t-toroq speċjalement junctions. Huwa semma’ fost l-oħrajn il-proġett tal-Kaparra, l-junction ta’ ħdejn it-tankijiet tal-gass u t-triq ħdejn iċ-ċimiterju tal-Addolorata.

Il-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll dwar l-elezzjonijiet għall-Membri tal-Parlament Ewropew. Huwa saħaq li x-xogħol fi ħdan il-partit Laburista beda qabel l-elezzjoni u se jkun qed jippreżenta tim li ddeskrivih bħala fantastiku u li jinkludi fih veterani u żgħażagħ. Huwa qal li l-mira tal-PL hija li jakkwista l-appoġġ tal-maġġoranza filwaqt li jifhem li se jkun hemm min irid jgħaddi messaġġ lill-Gvern.

Fl-aħħarnett Muscat tkellem dwar il-kunċert ta’ Joseph Callejja li ddeskrivih bħala fantastiku. Huwa qal li l-filmati tat-tenur Malti li jitkellem dwar Malta u jkanta b’ilsna differenti se jiftaħ opportunitajiet ġodda għal Malta. Żied jgħid li ntlaħaq ftehim ma’ Sky Arts biex il-kunċert jixxandar numru ta’ drabi f’ Settembtu filwaqt li se jinbiegħ ukoll f’numru ta’ pajjiżi madwar id-dinja.