“Il-mira tagħna il-PA, mhux il-Pulizija” – Graffiti

Moviment Graffiti

Moviment Graffiti wrew l-apprezzament tagħhom lejn kulmin wera solidarjetà magħhom wara l-inċident li seħħ quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar. Iżda qalu li t-tħassib ewlieni tagħhom se jibqa’ l-politika rigward il-pompi tal-petrol u l-imġieba offensiva tal-Awtorità tal-Ippjanar u mhux l-azzjonijiet tal-Pulizija.

9 xhur wara li kien imwiegħed li se jsir revizjoni tal-politika dwar il-pompi tal-petrol, baqa’ ma sar xejn. Fi stqarrija, l-Moviment Graffiti qalu li l-fatt li l-applikazzjoni tal-pompa tal-petrol fiż-Żejtun ġiet irrifjutatha hija pożittiva, iżda mhux ta’ sinifikat kbir.

Hemm erba’ pompi oħra li ġew approvati f’dawn l-aħħar xhur, kif ukoll 11-il applikazzjoni oħra li għadhom iridu jiġu proċessati. Apparti minn dan kollu, għad hemm iċ-ċans li aktar applikazzjonijiet jiġu sottomessi. Id-daqs ta’ seba’ darbiet l-art tal-fosos fil-Furjana, jista’ jiġi meħud biex isiru pompi tal-petrol ġodda fuq artijiet agrikoli u naturali. Moviment Graffiti qed tqis din l-idea bħala “ġennata” li hemm bżonn li tieqaf b’mod immedjat.

Huma qalu li l-implimentar ta’ pompi tal-petrol enormi fuq art ODZ hija politika li anka l-awtoritajiet stess ammettew li hija ħażina u li għandha tinbidel. Wara stqarrijiet, imejls lill-Awtorità tal-Ippjanar, artikli u konferenzi, it-tibdil baqa’ ma sarx. Il-moviment qal li dan juri li l-poter tal-iżviluppaturi tela’ fuq il-kontroll demokratiku u għalhekk Malta qed tinqered b’mod mgħaġġel.