“Il-minoranza trid tiġi kkunsidrata” – Anton Refalo

Read in English.

L-Eks Ministru għal Għawdex Anton Refalo saħaq li għalkemm il-maġġoranza għandha l-poter li tiddeċiedi, hemm bżonn li jiġi kkunsidrat kif tkun qed tħossha l-minoranza. “Wara kollox, aħna mhux biss membri jew partitarji ta’ partiti politiċi, imma qabel kollox aħna Għawdxin u Maltin”.

Il-kumment tal-Membru Parlamentari Laburista jitqies fid-dawl li Malta qed taffaċċja kriżi politika, wara l-arrest ta’ sid il-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech, u l-allegati rabtiet tiegħu mal-Ministru Konrad Mizzi u maċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Fuq Facebook illum, Dr Anton Refalo, li huwa ċ-Chairperson ta’ Heritage Malta, qal li filwaqt li huwa unur li tkun elett fil-politika, huwa wkoll sfida. Stqarr li meta wieħed ikun fil-politika jrid isib bilanċ bejn li jisma’ u li jaġixxi fl-interess ta’ kulħadd.

Irrimarka li f’kull stadju u pożizzjoni fil-ħajja, it-turbulenzi u l-isfidi jġibu magħhom iċ-ċans li wieħed jagħmel għall-aħjar, hekk kif kull problema dejjem għandha aktar minn soluzzjoni waħda.

Iddeskriva d-demokrazija bħala forma ta’ Kostituzzjoni, imma mhux biss li l-poplu jesprimi opinjoni, imma wkoll biex jiżviluppa proċess demokratiku bil-għan li jikkontribwixxi għal aktar żvilupp tal-komunità jew pajjiż.

Anton Refalo stqarr li ilu membru tal-Grupp Parlamentari mill-1987, u li jħoss li hu d-dover tiegħu li jaħdem fl-interess ta’ kulħadd, u li huwa ċert li l-bqija tal-Grupp Parlamentari jħoss l-istess.