Il-Ministu għandu jerfa’ r-responsabilità ta’ dak li deher fir-rapport tal-Awditur Ġenerali – PN

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco insista li l-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona u s-Segretarju Parlamentari Edward Zammit Lewis għandhom jerfgħu r-responsabilita’ politika għar-rapport li nħareġ mill-Awditur Ġenerali, liema rapport jgħid li l-involviment tagħhom fl-għoti tat-tenders għall-operazzjoni ta’ Casinos tellfet mit-trasparenza.

De Marco saħaq li minkejja li l-Ministru kien qal li se jerfa’ responsabilita’ politika dwar il-każ, kull ma għamel kien li ħareġ stqarrija li fiha jgħid li laqa’ ir-rapport.

Mario de Marco flimkien mal-kelliema għall-PN Kristy Debono qalu li l-Ministru għandu janalizza r-rapport biex jassigura li n-nuqqassijiet ma jerġgħux iseħħu.

De Marco saħaq li l-konklużjonijiet mill-NAO jiġġustifikaw it-tħassib li kellha l-Oppożizzjoni.

Il-kelliem tal-PN żied jgħid li l-Oppożizzjoni mhix tikkritika l-fatt li nħareġ proċess ta’ tender, imma l-proċess tas-selezzjoni. 

Reazzjoni Ministeru

Il-Ministeru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, kif diġa qal fir-reazzjoni uffiċjali, filwaqt li qed jagħraf in-nuqqasijiet li kien hemm jilqa’ wkoll il-kummenti pozittivi li saru mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali li għaraf l-impenn ġenwien tal-Ministeru li jbiddel il-proċess f’wieħed miftuħ għal kulħadd, trasparenti u saħansitra jippromwovi l-good governance. Dan l-impenn min naħa ta’ dan il-Ministeru, li qed ikun rikonoxxut mill-Awditur Ġenerali, m’għandux ikun oskurat.
 
Il-Ministeru jerġa jisħaq li l-intenzjoni kienet waħda ċara ħafna; tinbidel is-sistema adottata mill-Gvern Nazzjonalista fejn dawn it-tip ta’ kuntratti kienu jingħataw lil l-istess nies, fejn kien hemm anke okkazzjonijiet fejn kuntratti ta’ dan it-tip ingħataw b’sempliċi telefonata.