Il-Ministru Zammit Lewis ‘jhedded’ li jirrapporta l-Oppożizzjoni lill-KE

European Union

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis stqarr li jekk l-emendi proposti għall-Kostituzzjoni wara r-rapport tal-Kummissjoni Venezja ma jgħaddux kien se jmur quddiem il-Kummissjoni Ewropea u jirrapporta lill-Oppożizzjoni.

“Diġa ħsibtha! Iż-żewġ terzi huma responsabilità u mhux arma ta’ theddid,” stqarr Zammit Lewis.

“Sur President, jekk il-Gvern ma jbiddilx l-atteġjament tiegħu l-ftehim ma jistax jinstab,” wieġeb id-deputat Nazzjonalista Chris Said.

Il-battibek inqala’ meta l-Ministru talab lill-Ispeaker biex iwaqqaf numru ta’ deputati li kienu qed jitkellmu ħdejh.

“Qed nippruvaw naslu għal ftehim biex ma tkunx għamilt ix-xogħol għal xejn,” instema’ jgħid Said.

“Mela intik permess tkompli għax qed tagħmel biċċa xogħol tajba,” irrispondih il-Ministru.

Iżda miċ-ċajt malajr għaddew għas-serjeta’ hekk kif il-Ministru stqarr li jekk dawn l-emendi ma jgħaddux, l-Oppożizzjoni trid terfa’ r-responsabilita’ tagħha u kien se jinforma l-Kummissjoni Ewropea.

“Qed tgħid sewwa l-Kummissjoni Ewropea u mhux il-Kumissjoni Venezja li l-Ministru lanqas biss infurmawhom dwar x’beħsiebu jagħmel il-Gvern bir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tagħha. B’dan l-atteġjament, il-ftehim qiegħed ‘il bogħod,” irrisponda Said.

“Ma niddejjaqx nagħmel ix-xogħol għax nemmen fih,” kompla jgħid il-Ministru.

Il-Ministru kien qed jitkellem fl-introduzzjoni għad-diskussjoni fit-tieni qari ta’ emendi fil-liġi li jirregola l-uffiċċju tal-Ombudsman. 

Dawn l-emendi għandhom bżonn l-appoġġ tal-Oppożizzjoni biex jgħaddu peress li emendi fil-Kostituzzjoni għandhom bżonn l-appoġġ taż-żewġ terzi.

Waqt attivita’ politika f’Bormla l-Ħadd li għadda, l-Prim Ministru Robert Abela kien appella lill-Kap tal-Oppożizzjoni sabiex ma jħallix lil min idaħħlu ġo ħajt iżda jkun mal-gvern u jivvota favur riformi li hemm qbil dwarhom mill-istituzzjonijiet Ewropej u l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Venezja. Huwa assigura lill-Oppożizzjoni li jekk huma se jkunu fuq in-naħa tat-tkissir il-pajjiż mhux se jaħfirilhom qatt. Madankollu, stqarr li jekk il-vot tal-Erbgħa ma jgħaddix, il-Gvern se jibqa’ kommess li dawn ir-riformi bżonnjużi jsiru.

Għalkemm l-Oppożizzjoni taqbel dwar it-tibdil propost fil-ħatriet tal-President u tal-Prim Imħallef li ssir biż-żewġ terzi, hi mhux qed taqbel dwar proċeduri ta’ riżerva (fallback position).