Il-Ministru tibqa’ ma tagħtix dettalji dwar Bondi u Busuttil

Il-Ministru Justyne Caruana baqgħet tirrifjuta li tagħti dettalji dwar l-irwol li kellhom Lou Bondi u Felix Busuttil fl-organizzazzjoni tal-attività Gozo Alive li saret ħmistax ilu f’Għawdex. Skont il-Ministeru, din l-informazzjoni ma tistax tingħata minħabba n-natura kummerċjali tal-irwol.
Fil-Parlament, il-Ministru żvelat kif Lou Bondi u Felix Busuttil kienu fost it-8 persuni ngaġġati mill-Ministeru biex jokkupaw pożizzjoni fuq il-Bord organizzattiv. Sar magħruf ukoll li Bondi u Busuttil kienu l-uniċi li tħallsu biex jorganizzaw dan l-avveniment.
Minkejja diversi tentattivi biex isir magħruf minn kienu l-membri kollha tal-Bord, x’kariga kellhom Bondi u Busuttil, kemm tħallsu u fuq liema kriterju ġew magħżula, il-kelliem għall-Ministru Caruana ma weġibx għall-mistoqsijiet li sarulu.
Newsbook.com.mt staqsa lill-Ministru Caruana dawn il-mistoqsijiet:

  1. Minn kienu l-membri kollha tal-Bord?
  2. X'kariga kellhom Bondi u Busuttil?
  3. Kemm tħallsu dawn l-istess persuni?
  4. Fuq liema kriterji ġew magħżula?

It-tweġiba mingħand kelliem għall-Ministru Caruana kienet kelma b’kelma ta’ dak żvelat fil-Parlament filwaqt li żied jgħid li Lou Bondi huwa konsulent tal-Ministeru għal Għawdex fuq attivitajiet kulturali filwaqt li Felix Busuttil tħallas skont is-sigħat li ħadem.
Qal li d-dettalji huma ta’ natura kummerċjali u għaldaqstant ma jkunx etiku jekk tingħata din l-informazzjoni. Skont l-istess kelliem “bla dubju ta’ xejn, dawn iż-żewġ persuni għandhom esperjenza vasta f’dan is-settur.”