Il-Ministru tat-Turiżmu jiltaqa’ mal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta

Il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis iltaqa’ mal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta biex jiddiskutu l-bżonn ta’ infrastruttura turistika bażika biex jiżdied it-turiżmu fin-nofsinhar ta’ Malta.
Fost l-affarijiet li ddiskutew, issemew il-bżonn li jkun hemm preżenza ta’ uffiċċju ta’ informazzjoni turistika, bajjiet ta’ aktar kwalità u riġenerazzjoni ta’ bajjiet fin-nofsinhar tal-pajjiż.
Il-Ministru Zammit Lewis talab lill-Kunsill biex ikollu rappreżentanza fil-Kumitat Konsultattiv dwar ir-reviżjoni tal-politika dwar it-turiżmu li twaqqaf ftit taż-żmien ilu.
Fil-laqgħa ġie deċiż li jkun hemm kuntatt regolari biex l-inizjattivi għan-nofsinhar tal-pajjiż jitwettqu fi żmien qasir.