Coronavirus: L-ewwel każ f’Malta; “m’hemmx lok għall-allarm” – Fearne

Aġġornat 11:03 AM

Read in English.

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne tenna li m’hemmx lok għall-allarm. Huwa kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar l-ewwel każ tal-coronavirus li feġġ f’Malta.

X’qal Chris Fearne?

  • Il-Ministru Chris Fearne jikkonferma l-ewwel każ ta’ coronavirus f’Malta
  • Il-pazjenta hija tifla Taljana li tgħix Malta u qed tinżamm fi kwarantina fl-Isptar Mater Dei.
  • Kemm it-tifla kif ukoll oħtha u l-ġenituri tagħha huma Taljani.
  • Il-familja waslet fl-aħħar jiem f’Malta wara żjara f’Ruma.
  • It-tifla żviluppat sintomi relatati mal-coronavirus u l-ġenituri talbu għall-għajnuna immedjatament. Il-familja tinsab fi kwarantina fid-dar.
  • Chris Fearne insista li m’hemmx lok għall-allarm għax il-miżuri neċessarji qed jittieħdu.
  • Il-pubbliku għandu jevita li jżur pajjiżi b’riskju għoli.
  • Tnieda helpline ġdid: 111
  • Hemm persuna oħra li ttestjat negattiv imma qed tinżamm fi kwarantina mandatorja. Dan qed isir għax il-persuna qalet li kienet f’kuntatt ma’ persuna infettata bil-virus.
  • Hemm 18-il sodda f’Mater Dei lesti għal każi ta’ coronavirus. Hemm 18-il sodda oħra f’binja oħra.
  • Ikkonferma rapporti fil-midja li l-Isptar Boffa qed jitbattal biex ikun jista’ jilqa’ f’każ ta’ bżonn. Spjega li hemm 60 sodda oħra.
  • Minn nhar it-Tlieta se jinfetaħ hub ġdid fejn isir swabbing u testijiet oħra. Dettalji jitħabbru nhar it-Tnejn wara nofsinhar.
  • Nhar it-Tnejn se jaslu 30,000 maskla oħra.

X’qalet Prof. Charmaine Gauci?

  • Tenniet il-messaġġ tagħha lill-pubbliku biex jevita vjaġġar lejn iċ-Ċina, Singapore, l-Iran, il-Korea t’Isfel u l-Ġappun. Semmiet ukoll Piedmont, il-Lombardija, Emilia-Romania u Veneto fl-Italja.
  • Saħqet li l-pubbliku għandu joqgħod fi kwarantina fid-dar malli jaslu minn dawn il-pajjiżi f’riskju kbir.
  • Mhux il-virus qed joqtol lin-nies imma l-mard kroniku

Iwieġbu għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti:

  • L-iscreening fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u fil-portijiet jaqbdu biss lill-persuni li jkunu infettati bil-virus. Is-sintomi fit-tifla Taljana ħarġu jiem wara li għaddiet mill-iscreening
  • Biex il-virus jittieħed irid ikun hemm kuntatt fil-qrib ta’ madwar kwarta mal-persuna infettata.
  • Kull passiġġier qed jiġi ttestjat? Il-miżuri kollha ta’ prekawzjoni qed jittieħdu
  • L-iskejjel se jagħlqu? M’hemmx bżonn f’dan l-istadju
  • Bżonn li l-pubbliku jmur jixtri mis-supermarkets u jixtri kemm jista’ prodotti? M’għandux għalfejn ikun hemm dan l-allarm. Hemm biżżejjed provvisti.
  • Il-kumitat li twaqqaf apposta se jiltaqa’ nhar it-Tnejn biex jiddeċiedi dwar it-triq ‘il quddiem f’każ li jiġu identifikati iktar każijiet.

Newsbook.com.mt kien ħabbar dan aktar kmieni dalgħodu wara li sar jaf bil-konferenza tal-aħbarijiet minn sorsi infurmati.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-persuna li għandha l-coronavirus hija Taljana.

Għall-ħabta tal-10.25am, il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar il-konferenza tal-aħbarijiet immexxija mill-Ministru Fearne fil-11am. It-tħabbira tal-konferenza tal-aħbarijiet ma semmietx x’inhu s-suġġet tagħha.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet hemm il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, Celia Falzon, il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, il-Professur Charmaine Gauci, Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Dr Chris Barbara mid-Dipartiment tal-Patoloġija u l-Professur Michael Borg, mill-Infection Control Unit.

Aqra kif tista’ tipproteġi lilek innifsek mill-coronavirus
5 modi kif tevita l-coronavirus

“Se nkomplu noffru l-għajnuna kollha lill-Gvern” – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sosta li l-Oppożizzjoni se tibqa’ toffri l-għajnuna kollha lill-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa fir-rigward tal-Coronavirus u se tibqa’ f’komunikazzjoni diretta biex isir dak kollu possibbli fl-aħjar interess tas-saħħa tal-poplu. Qal li għalhekk ukoll l-Oppożizzjoni se tfittex il-komfort li l-Gvern ikun ippreparat fl-aħjar mod għaċ-ċirkostanza li l-każijiet jibdew jiżdiedu kif ġara f’pajjiżi oħrajn Ewropej mingħajr allarm u paniku. Hu qal dan waqt intervista fuq NetFM illum.

Delia qal li fiċ-ċirkostanza ta’ mard kontaġġjuż, il-pajjiż għandu jirreaġixxi b’mod sod, magħqud u infurmat. Qal li dan jista’ jsir ukoll b’kampanja edukattiva u ta’ informazzjoni dwar il-coronavirus li tilħaq iżjed persuni u minn setturi differenti tas-soċjetà. Delia qal li minkejja li Fearne għadu ma tax id-dettalji kollha tal-pjan ta’ kontinġenza, minkejja li f’Malta hawn każ tal-virus, l-Oppożizzjoni se tibqa’ timxi b’kawtela u tistaqsi biex l-istampa kollha tkun iżjed ċara.