“Il-Ministru tas-Saħħa intervjena bejn il-VGH u l-MUMN” – PD

Wara li tħabbret l-azzjoni industrijali tat-tobba fis-setturi kollha tas-saħħa, il-mexxej tal-Partit Demokratiku, Anthony Buttigieg, allega l-possibiltà li kien il-Ministru tas-Saħħa, Christopher Fearne, li intervjena sabiex ma jiġix implementat ir-roster il-ġdid għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex li kien ġie diskuss bejn l-MUMN u l-VGH.
Buttigieg irrimarka li s’issa, fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex (GGH) għadu mhux magħruf min eżatt qed imexxi, jekk hux il-VGH jew Steward Healthcare, u staqsa jekk il-Ministru kellux x’jaqsam mal-bejgħ tal-konċessjoni tal-VGH lil Steward Healthcare.
Fl-istess stqarrija, Buttigieg, f’isem il-PD, wera solidarjetà mal-professjonisti kollha li kellhom jirrikorru għal azzjoni industrijali minħabba li għad m’għandom l-ebda indikazzjoni ta’ min imexxi u jipposjedi l-isptarijiet, u min jiddeċiedi l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
Hu saħaq li dan kollu riżultat tal-ambigwità li hemm madwar il-konċessjoni tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Buttigieg jidhirlu li l-konċessjoni tmur kontra l-ftehim kollettiv li għandhom it-tobba mal-Gvern u hija din ir-raġuni għalfejn it-tobba waslu f’dan l-istat.
Il-PD diġà staqsa sabiex l-isptarijiet jerġgħu imorru għand il-poplu u jistqarr li issa l-MAM qed jagħmel l-istess talba.
Il-PD talab għat-trasparenza sħiħa madwar il-bejgħ tal-konċessjonijiet, sa mill-bidu tan-negozjati, jiġifieri mill-iffirmar tal-Memorandum ta’ Ftehim mal-VGH.