Il-Ministru tal-Kaċċa ma ffirmax il-ftehim fuq l-art tal-Miżieb

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li hu ma kienx wieħed mill-firmatarji tal-ftehim li qajjem kontroversja bejn il-Gvern u l-FKNK, biex l-art tal-Miżieb tgħaddi għand il-kaċċaturi.

Għat-talba bil-miktub tad-deputat Nazzjonalista David Thake biex il-Ministru jippubblika l-ftehim, Camilleri għarraf lill-interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-ministru konċernat.

Waqt il-ħin tal-mistoqsijiet, Thake deher sorpriż bit-tweġiba li ngħata tant li staqsa lill-Ministru jekk hu kienx responsabbli mill-kaċċa. Il-Ministru Camilleri qal li l-ftehim kien dwar trasferiment ta’ art mingħand id-Dipartiment tal-Artijiet għal għand l-FKNK. Hu kompla jgħid li l-ftehim ġie ffirmat minn Ian Borg bħala l-Ministru responsabbli tal-artijiet u minn Aaron Farrugia bħala l-Ministru għall-Ambjent.

Meta l-ftehim ġie ffirmat, l-ebda midja ma ġiet mistiedna għal din l-attività iżda l-Gvern ippubblika stqarrija flimkien ma’ ritratt li fih jidhru l-uffiċjali min-naħa tal-Lands u tal-FKNK jiffirmaw il-ftehim fil-preżenza tal-Ministri Borg, Farrugia u Camilleri flimkien mas-Segretarju Parlamentari Chris Agius.

Il-ftehim huwa ta’ tliet snin u jistipula illi ż-żoni tal-kosta jibqgħu fid-dominju pubbliku u s-siti jibqgħu aċċessibbli għall-pubbliku, filwaqt li anke dawk iż-żoni li huma wżati għall-kaċċa jeħtieġ jibqgħu aċċessibbli, ħlief fis-sigħat illi matulhom tkun għaddejja l-kaċċa waqt l-istaġun tal-kaċċa.

L-FKNK se jkollha d-dritt li toħloq żoni għall-picnics u l-camping fil-masġar pjuttost kbir tal-Miżieb.