Il-Ministru tal-Finanzi Tork jaqbel li Twitter ikun projbit

Il-Ministru tal-Finanzi Tork Mehmet Simsek iddefensa d-deċiżjoni tal-Gvern li jipprojbixxi l-użu ta’ Twitter. Huwa qal li s-sit għandu nuqqas ta’ konformità mal-ordnijiet tal-Qorti.

Il-Gvern Tork għalaq l-użu ta’ Twitter nhar il-Ġimgħa li għadda wara li xi persuni li jużaw dan is-sit tefgħu allegazzjonijiet ta’ korruzjoni minn uffiċjali għolja tal-pajjiż.

Din id-deċiżjoni tal-Gvern Tork kienet ikkritikata ħafna madwar id-Dinja.

S’issa l-mexxejja ta’ Twitter għadhom ma taw l-ebda kumment fuq il-projbizzjoni. Minkejja dan, il-Ġimgħa filgħaxija l-kumpanija kitbet messaġġi bl-Ingliż u bit-Tork biex il-klijenti jibgħatu tweets permezz ta’ messaġġi.

Intant sorsi li tkellmu ma’ midja internazzjonali qed jgħidu li l-Gvern għaddej b’diskussjonijiet ma’ Twitter biex titwaqqaf il-projbizzjoni. Jidher iżda li biex dan iseħħ il-Gvern qed jitlob numru ta’ kundizzjonijiet

Fit-Turkija hemm madwar 10 milljun persuna li jagħmlu użu minn Twitter.

Lura fl-2008, il-Gvern Tork kien ipprojbixxa l-użu ta’ YouTube wara li dehru xi vidjows kontra l-fundatur tal-pajjiż Mustafa Kemal Ataturk. L-użu ta’ YouTube reġa’ beda fl-2010.