Il-Ministru tagħmilha ta’ kaptan tar-raba’ vapur; ġurnalisti l-art

Il-midja dalgħodu ma tħallietx titla’ fuq il-vapur ‘il-ġdid’ tal-Gozo Channel, minkejja li saret sejħa għall-ġurnalisti biex jirrappurtaw dwar il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana tilqa’ l-vapur MV Nikolaos fiċ-Ċirkewwa. Wara l-konferenza tal-aħbarijiet u kummenti lill-ġurnalisti, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana waqqfet lill-membri tal-midja milli jitilgħu fuq il-vapur MV Nikolaos.

Wara d-diskors tagħha, Caruana flimkien maċ-Ċerpersin tal-Gozo Channel Joe Cordina telgħu fuq il-vapur, li nbena fl-1987, biex jarawh ukoll minn ġewwa. Magħhom marru wkoll camera persons mill-kumpanija CVC, kumpanija li d-Dipartiment tal-Informazzjoni  ta’ sikwit jibgħat filmati miġbuda minnha, ta’ konferenzi tal-aħbarijiet u attivitajiet li jsiru f’Għawdex.

X’ġara eżatt?

Kien il-Ħadd filgħaxija, li Newsbook.com.mt irċieva s-sejħa u ġurnalist ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet  kien fuq il-post u segwa l-konferenza tal-aħbarijiet fl-intier tagħha. Il-ħsieb tiegħu kien li jkompli jaqdi dimirijietu biex jinforma lill-pubbliku dwar kif kien jidher dan il-vapur li kien hemm tant diskussjonijiet dwaru. Madanakollu l-Ministru talbet lill-ġurnalist jinżel minn fuq il-vapur. Meta l-ġurnalist irrimarka li kien hemm camera persons oħra lesti għax-xogħol metru ‘l bogħod minnha, il-Ministru qalet li dawn kellhom l-“awtorizzazzjoni” neċessarja. Semmiet ukoll li kien hemm xi uffiċjali tad-Dwana li kienu qed jagħmlu xi xogħol min-naħa tagħhom fuq l-istess vapur. Madanakollu l-ebda uffiċjal tad-Dwana ma waqqaf b’xi mod lill-ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt milli jirrapporta dwar x’kien għaddej.

Filmat: Il-wasla tar-raba’ vapur

It-Tnejn waranofsinhar il-filmati li ttieħdu mis-CVC intbagħtu mid-Dipartiment tal-Informazzjoni (ara fuq).

Għalhekk, din il-kamra tal-aħbarijiet ma setgħetx tagħti stampa kompluta tal-qagħda tar-raba’ vapur, vapur li l-poplu Malti u Għawdxi ma jafx kemm ġie jiswa mit-taxxi tiegħu , “għax l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva”.  Il-vapur mistenni jibda jaħdem minn nhar it-Tnejn.

Dan ir-raba’ vapur se jkun qed jaqsam il-piż mat-tliet vapuri l-oħra tal-Gozo Channel għal żmien temporanju u mistenni jgħin b’mod partikolari l-ħajja tal-Għawdxin li jaqsmu l-fliegu għax-xogħol u studju.

Ħelsien tal-midja

F’pajjiż li ilu mill-2013 jiżżerżaq ‘l isfel fl-indiċi tal-ħelsien tal-midja, il-kmamar tal-aħbarijiet indipendenti jippruvaw jagħmlu l-almu tagħhom biex iwasslu l-aħbarijiet lis-segwaċi tagħhom. Mhux l-ewwel darba li jqajmu t-tħassib dwar kif jiġu trattati.

F’Mejju li għadda, The Malta Independent f’editorjal tagħha qalet li l-itqal parti mix-xogħol tagħha huwa li takkwista r-risposti. Semmiet speċifikament li l-Gvern u l-Oppożizzjoni bħala ż-żewġ entitajiet li l-aktar jagħmlu din il-ħidma diffiċli.  Din jista’ jikkonfermaha indipendentament Newsbook.com.mt.

Fil-każ tal-lum il-Gvern kellu l-opportunità li jagħti risposta lill-pubbliku dwar x’kien il-frott tal-investiment u l-ħidma li kienet saret biex jitnaqqas l-inkonvenjent ta’ dawk li jkunu qed jaqsmu l-fliegu dan is-sajf. Minkejja dan il-Gvern illum għażel li ‘jtella’ r-rampa’ u jħalli lill-ġurnalisti l-art.