“Il-Ministru ta’ Għawdex irid lura l-ħaddiema li kienu assenjati lill-Kunsilli” – Sindku Formosa

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li permezz  ta’ proġetti ta’ riġenerazzjoni u ta’ infrastruttura fil-qalba tal-lokalitajiet, il-kunsilli lokali qegħdin itejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti u tal-prodott turistiku f’pajjiżna.

Waqt żewġ żjarat fil-lokalità ta’ San Lawrenz u fil-mużew Heart of Gozo – Il-Ħaġar fir-Rabat Għawdex, Simon Busuttil qal li fl-aħħar snin Għawdex ġie żviluppat bħala gżira ekoloġika b’ħafna investiment fl-agrituriżmu, fit-turiżmu kulturali u fl-ekoturiżmu. 

Is-Sindku ta’ San Lawrenz Anthony Formosa tkellem dwar l-isfidi li qed jaffaċċja l-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz, flimkien ma’ kunsilli oħrajn madwar Għawdex.

Fost l-oħrajn, is-Sindku lmenta li l-Ministru ta’ Għawdex Anton Refalo qed jitlob lura l-ħaddiema li kienu assenjati lill-kunsilli lokali bir-riżultat li l-kunsilli jispiċċaw mingħajr riżorsi umani.

Kompla jgħid li għall-ewwel darba f’iżjed minn 20 sena, il-baġit dirett allokat għall-kunsilli lokali naqas. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali Chris Said, id-deputati Giovanna Debono u Frederick Azzopardi u mill-Kap tad-Delegazzjoni Maltija tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa.