Il-Ministru Scicluna b’like fuq kumment li jsejjaħ għall-qtil ta’ Casa

David Casa Edward Scicluna Pulizija

Il-profil tal-Ministru Edward Scicluna fuq Facebook intuża’ biex jagħmel ‘like’ fuq kumment li jsejjaħ għall-qtil tal-Membru tal-Parlament Ewropew Nazzjonalista David Casa.

Il-kumment kien jgħid li jispera li Casa “jieħu dak li ħaqqu” u li “għandu bżonn il-forka”. Il-kumment sar taħt post fuq il-paġna uffiċjali tal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna dwar ir-ratings li rċeviet Malta minn aġenziji internazzjonali.

Fi stqarrija, Casa qal li Scicluna pprepara attakk kontrih fuq Facebook li ġġenera numru ta’ kummenti ta’ mibegħda. Qal li wieħed minn dawn il-kummenti kien sejjaħ biex hu jiġi maqtul. Iddeskriva dan bħala perikoluż u kriminali. Casa qal li se jkun qed jagħmel rapport mal-Pulizija fil-konfront ta’ min hedded lill-ħajtu u fil-konfront tal-Ministru li appoġġja din l-idea.

Il-post oriġinali ta’ Scicluna kien link għas-sit tiegħu li juri artiklu li ppubblika fuq il-ġurnal l-Orizzont. Scicluna kiteb li “ma tagħmilx ġid li Malti imur jitkellem b’mod negattiv, jew kif ngħidu bl-Ingliż ‘bad mouthing’, dwar l-iktar pajjiż li suppost hu għażiż għalih, li huwa pajjiżu.”

“Invenzjoni” – PL

Il-Partit Laburista qal li l-allegazzjonijiet li għamel Casa huma invenzjoni. Skont il-PL, Casa huwa ddisprat għax qed jitlef l-appoġġ fi ħdan il-PN.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Simon Busuttil qal li Scicluna għandu jirriżenja.