“Il-Ministru responsabbli għall-inċidenti tagħna” – ċiklisti

Il-grupp lokali taċ-ċiklisti, BAG, saħaq li qed iżomm lill-Ministeru għat-Trasport responsabbli tal-inċidenti li fihom jindarbu ċiklisti, speċjalment dawk li jsiru f’toroq li għaddejjin minn xi tip ta’ xogħlijiet.
Fi stqarrija, il-grupp irrefera b’mod speċjali għall-proġett tal-karreġġjata doppja fi Triq Manwel Dimech, fejn saħaq li kontra ta’ dak li qal il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, dan il-proġett mhux vera li għamel it-triq iktar sigura.
Iċ-ċiklisti qalu li ma saret l-ebda proviżjoni għalihom.
Insistew li Triq Manwel Dimech hija waħda prinċipali għal dawk kollha li jivjaġġaw bir-rota, bejn iż-żona tal-port fit-tramuntana u l-propjetà industrijali f’Ħal Luqa u Ħal Far.
Fl-istqarrija, il-grupp insista li minkejja li l-Gvern jidher li jrid jinkoraġġixxi aktar nies sabiex jużaw ir-roti, jemmen li x-xufiera tal-karozzi qatt mhu se jibdlu l-vettura tagħhom ma’ rota, sakemm it-toroq ma jsirux iktar faċli, attraenti u siguri għaċ-ċiklisti. Fakkru li dan l-istess kliem qalu l-Kummissarju għaċ-ċikliżmu ta’ Manchester, Chris Boardman.
Il-BAG qal kif iċ-ċiklisti ilhom jitolbu għal karreġġjati fit-toroq bosta snin. Minkejja dan irċevew bosta “skużi” bħal bżonn li jkun hemm aktar spazji tal-parkeġġ jew li ma  kinux lesti li jinqatgħu s-siġar sabiex it-toroq jakkomodaw karreġġjata għaċ-ċiklisti.
Il-grupp jemmen li ċ-ċikliżmu huwa soluzzjoni tajba ħafna għall-problema tat-traffiku, li mhix qed tiġi kkunsidrata serjament.
Madankollu jammettu li kien hemm proġett wieħed, speċifikament dak tal-Kappara fejn il-BAG irnexxielu jwassal il-messaġġ sabiex it-toroq ta’ taħt ikunu iktar attrezzati għalihom.