Read in English.
Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola qajjem tħassib fuq it-tnedija ta’ Christmas in the City, b’attivitajiet ippjanati fil-Belt Valletta għal żmien il-Milied minkejja l-pandemija tal-coronavirus. Huwa staqsa jekk il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne jaqbilx ma’ dan, u jekk il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli reġgħetx qiegħda tilgħab logħba riskjuża ta’ Russian roulette b’saħħet in-nies.
Dalgħodu, il-Ministru tat-Turiżmu u l-Ministru għall-Wirt Kulturali José Herrera, flimkien mal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta (VCA), nedew programm t’attivitajiet għall-ġimgħat li ġejjin bil-ħsieb li jagħtu l-ħajja lill-Belt Valletta, li kkwietat mindu feġġet il-pandemija.
Prof. Cassola spjega li ġaladarba l-awtoritajiet qed jinkoraġġixxu lin-nies iżuru l-Belt Valletta, u saħansitra qed joffrulhom parkeġġ b’xejn fil-Furjana, diversi nies se jitħajru jmorru u se jkun hemm rases ta’ nies b’kuntatt mill-qrib, pereżempju fil-lifts tal-parkeġġ tal-Furjana.
L-eks Chairman tal-Alternattiva Demokratika staqsa wkoll jekk il-famużi “mekkaniżmi” tal-Ministru Farrugia Portelli humiex se jaħdmu din id-darba.
Din hi referenza għall-intervista li l-Ministru kellha fuq il-BBC li fiha tkellmet dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport u fuq kif il-Gvern ħaseb għal mekkaniżmi biex minkejja li jerġgħu jibdew jiġu t-turisti f’Malta, il-każijiet tal-coronavirus jiġu kkontrollati.