“Ma qbiżt ebda linja meta sejjaħt lil Daphne hate blogger” – Il-Ministru Bonnici

Read in English.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici dalgħodu xehed fl-inkjesta pubblika fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. L-inkjesta għandha l-għan tiddetermina jekk l-Istat setax għamel aktar biex jipprevjeni l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. 

Waqt ix-xhieda tal-Ministru Bonnici, il-Bord tal-Inkjesta Pubblika stqarr li minn dak li ħareġ s’issa jaf min kien qed joħroġ informazzjoni li kienet tingħad fil-briefings f’Kastilja dwar l-assassinju tal-ġurnalista.

Xi spikka mix-xhieda tal-Ministru Owen Bonnici?

  • Bejgħ passaporti: F’għajnejja għal Joseph Muscat kien proġett bħall-oħrajn
  • Bejgħ passaporti: Ma nafx jekk Keith Schembri laqqagħnix ma’ ta’ Henley & Partners qabel jew wara s-sejħa għall-investituri fl-iskema
  • Qatt ma kelli email owen@josephmuscat.com
  • Ma naħsibx li l-istil ta’ kitba fil-blogg ta’ Daphne u ta’ Glenn Bedingfield jagħmel ġid lill-poplu, imma m’hemmx paragun bejniethom
  • Dwar meta sejjaħ lil Daphne hate blogger, “ma jidhirli li qbiżt ebda linja”
  • Li jkollok ministru jiftaħ trust fil-Panama hija naive ħafna: Mort fuq Konrad u għedtlu “x’fettillek?”
  • F’seba’ snin lil Brian Tonna darba rajtu f’Kastilja
  • Dwar Yorgen Fenech: “Qas kont naf li jeżisti, qas kont naf li hawn xi ħadd b’dak l-isem”; “Il-ħbiberija bejn Schembri u Fenech ma kontx naf biha”
  • “Keith Schembri wera li jrid li jissolva l-assassinju wkoll”
  • Il-maħfra ta’ Melvin Theuma kien iddeċidieha Joseph Muscat, “kien insista li ried jerfagħha hu”
  • Dwar il-mafkar: “Ordnajt li jitneħħa meta beda jinqala’ l-inkwiet”

Ix-xhieda tal-Ministru Bonnici minuta b’minuta:

12:05 Grazzi talli segwejtuna u l-kumplament tal-ġurnata t-tajba!
Sephora Francalanza
12:04 Il-blogg tagħna jintemm hawn. Is-seduta li jmiss se ssir fit-30 ta' Settembru.
Sephora Francalanza
12:04 Għalissa s-seduta se tiġi sospiża għal ħames minuti. Imbagħad, il-Ministru se jkompli jixhed fil-magħluq.
Sephora Francalanza
12:03 Dr Azzopardi kellem lil Dr Bonnici fuq maħfra lill-Koħħu. Bonnici kien qallu li hu kontra li biex tasal għal persuna, jingħataw żewġ maħfriet, għax ir-reat jiġi fix-xejn.
Sephora Francalanza
12:02 Jispjega li Azzopardi kien bagħat lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li jrid jiltaqa' mal-PM. F'Awwissu tal-2018, Muscat qal lil Bonnici biex jieħu ħsieb dil-biċċa xogħol.
Sephora Francalanza
11:59 Il-Ministru Bonnici jixtieq jagħmel stqarrija għax issemma f'xi proċeduri fix-xhieda ta' Dr Arthur Azzopardi li qal li l-Ministru kien qal li maħfra waħda biss se jagħtu.
Sephora Francalanza
11:58 Jgħid li barra minn Malta, jekk ikun hemm mafkar, hemm żmien sakemm jinżamm il-mafkar. Huwa ġab eżempji miegħu, pereżempju fi Franza.
Sephora Francalanza
11:58 Bonnici jgħid li l-Kabinett ma ddiskutihiex din id-deċiżjoni, imma hu ġieli ddiskuta l-kwistjoni ma' sħabu tal-Kabinett.
Sephora Francalanza
11:56 Madankollu, il-Qorti ma qablitx ma' din id-deċiżjoni.
Sephora Francalanza
11:56 Għalhekk, Bonnici ddeċieda li l-aħjar għażla tkun li dak li jitwaħħal mal-monument jitneħħa.
Sephora Francalanza
11:55 Il-Ministru jispjega li għal madwar sena wara l-assassinju, ix-xemgħat u l-fjuri fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir ma ntmessux, iżda mbagħad bdew jinqalgħu inċidenti minħabba dan il-monument. In-nies bdew jargumentaw dwaru, saħansitra persuna spiċċat l-isptar.
Sephora Francalanza
11:54 Bonnici kien qal li din kienet deċiżjoni "kolleġjali." Comodini Cachia tistaqsi min ħadha d-deċiżjoni.
Sephora Francalanza
11:54 Waqt li qed taqra s-sentenza tal-Qorti, Dr Bonnici jibda jqalleb fil-fajl li ġab miegħu.
Sephora Francalanza
11:51 Dr Comodini Cachia issa tistaqsi lix-xhud dwar is-sentenza li kienet inqatgħet fil-konfront tal-Ministru Owen Bonnici meta nstab ħati li kiser id-dritt tal-attivisti meta huwa ordna li l-mafkar għal Daphne Caruana Galizia jitneħħa.
Sephora Francalanza
11:50 Dr Bonnici jikkjarifika li hu ħatar lil Brian Tonna bħala konsulent b'għażla tiegħu, ma ħariġx sejħa pubblika.
Sephora Francalanza
11:50 Bonnici jwieġeb, "Le, ma nafx għax jien ma tajtux direct orders f'dan is-sens. Direct order mhix xi ħaġa ħażina."
Sephora Francalanza
11:49 Comodini Cachia tistaqsi, "Kont taf li bejn l-2013 u l-2017 Tonna tant ingħata direct orders, li kienu jammontaw għal €2.4 miljun?"
Sephora Francalanza
11:48 B'hekk Brian Tonna kien konsulent ta' Owen Bonnici minn Awwissu tal-2014 sa Awwissu tal-2017.
Sephora Francalanza
11:46 Bonnici jgħid li sar jaf b'dan f'Mejju tal-2017. L-elezzjoni mbagħad seħħet f'Ġunju tal-2017.
Sephora Francalanza
11:46 Comodini Cachia tistaqsih jekk kienx hemm kunflitt ta' interess billi Tonna kien konsulent ta' Keith Schembri, Konrad Mizzi, u kien qed jiġi investigat b'rabta mal-allegazzjonijiet fl-FIAU.
Sephora Francalanza
11:45 Meta f'Ġunju tal-2017 reġa' ġie elett, Bonnici ħa d-deċiżjoni li ma jżommx il-konsulenza ta' Brian Tonna.
Sephora Francalanza
11:45 Iddeċieda mbagħad li s-servizz ta' Brian Tonna jibdlu f'part-time.
Sephora Francalanza
11:44 "Kif tispjega li xorta żammejtu konsulent tiegħek?" tistaqsi Comodini Cachia għal wara li ħareġ li Tonna kien involut fil-ftuħ ta' kont ta' Konrad Mizzi fil-Panama.
Sephora Francalanza
11:43 Fil-bidu meta nħatar konsulent, Brian Tonna kien impjegat full-time.
Sephora Francalanza
11:43 Dr Bonnici jgħid li Tonna ma kellux uffiċċju għandu.
Sephora Francalanza
11:42 Fl-2014, meta sar Ministru, iddeċieda li jaħtar lil Brian Tonna konsulent. Kellu bżonn ħafna assistenza fejn jidħlu fondi Ewropej biex jiftaħ il-mużew Muża u MICAS.
Sephora Francalanza
11:41 Meta sar Segretarju Parlamentari, kellu dritt jaħtar żewġ konsulenti. Ministru jaħtar erbgħa.
Sephora Francalanza
11:41 Għas-servizzi tiegħu ta' avukat iddeċieda li jinqeda minn Brian Tonna.
Sephora Francalanza
11:41 Il-Ministru jgħid li sema' Brian Tonna meta kien idur il-ħwienet Wied il-Għajn, peress li kellu uffiċċju hemmhekk. In-negozji kienu jinqdew għandu.
Sephora Francalanza
11:39 Id-deċiżjoni eventwalment kienet li Mizzi tneħħa minn Deputat Mexxej u tneħħielu l-portafoll.
Sephora Francalanza
11:38 Bonnici qal li d-deċiżjonijiet se jittieħdu ladarba l-provi kollha jkunu provduti, la jintemm l-awditjar li kien talab li jsir Mizzi stess.
Sephora Francalanza
11:38 L-Avukata Comodini Cachia tirreferi għal kumment li għadda Bonnici lil The Malta Independent fil-11 t'April 2016 dwar kumment ta' Dr Alfred Sant li Konrad Mizzi kellu jirreżenja minħabba l-Panama Papers.
Sephora Francalanza
11:37 Darba ltaqa' ma' Yorgen Fenech l-ajruport meta kien se jaqbad ajruplan għal Malta, wara l-elezzjoni tal-2017. Dakinhar sar jaf li jeżisti Fenech.
Sephora Francalanza
11:36 "Assolutament le" jgħid Bonnici mistoqsi jekk kienx jaf bil-ħbiberija bejn Keith Schembri u Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
11:35 Bonnici ma kienx mistieden għall-festin ta' Joseph Muscat il-Girgenti. Darba ħarġu jieklu flimkien hu u Joseph Muscat.
Sephora Francalanza
11:35 "Milli rajt quddiemi, Keith Schembri kien qed jgħin biex jissolva l-omiċidju."
Sephora Francalanza
11:33 Il-Bord jgħid li mill-informazzjoni li għandu, jaf min kien qed jgħaddi l-informazzjoni mill-briefings.
Sephora Francalanza
11:32 Mistoqsi issa fuq il-leaks li kien hemm dwar ir-rejd li sar lit-tliet irġiel akkużati bil-qtil ta' Caruana Galizia, Bonnici jgħid li kien ixxukkjat u m'għandux idea min kien jiżvela l-informazzjoni.
Sephora Francalanza
11:31 Jgħid li kien qed jara l-affarijiet jimxu fl-investigazzjoni tal-assassinju, u l-Ispettur Keith Arnaud kien jimpressjonah.
Sephora Francalanza
11:29 Mistoqsi kienx jaf x'informazzjoni kellu l-Koħħu, Dr Bonnici jgħid li Arnaud kien jinfurmahom b'xi affarijiet. Bonnici joffri li jgħid aktar fuq dan lill-Bord fil-magħluq.
Sephora Francalanza
11:28 Il-maħfra presidenzjali ta' Melvin Theuma kien iddeċidiha Joseph Muscat, "kien insista li ried jerfagħha hu," jgħid Bonnici.
Sephora Francalanza
11:27 Bonnici jgħid li hu kien involut l-aktar fil-laqgħat dwar il-maħfra presidenzjali ta' Vince Muscat il-Koħħu.
Sephora Francalanza
11:27 "Keith Schembri wera li jrid li jissolva l-assassinju wkoll."
Sephora Francalanza
11:27 Fil-laqgħat bejn Joseph Muscat u Owen Bonnici, "ma jidhirlux" li kien ikun hemm Keith Schembri. Meta ġie infurmat li l-FBI qed jgħinu lil Malta, Schembri kien preżenti.
Sephora Francalanza
11:26 Mistoqsi, Bonnici jgħid li Keith Schembri kien ikun preżenti fil-laqgħat tal-Kabinett.
Sephora Francalanza
11:26 Dr Bonnici jsemmi l-premju li kien tħabbar ta' miljun ewro għal min għandu informazzjoni fuq l-assassinju.
Sephora Francalanza
11:25 Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera kienet inħatret u Muscat avviċina lil Bonnici biex jirrisolvu dil-kwistjoni għax il-familja Caruana Galizia kellha xi riżervi.
Sephora Francalanza
11:25 "Għidt ħajjitna ħa tinbidel, din l-agħar ħaġa li setgħet ġratilna," ikompli jirrakkonta Bonnici.
Sephora Francalanza
11:24 Dr Peter Caruana Galizia jdur biex iħares lejn Bonnici jagħti r-reazzjoni tiegħu u tal-Kabinett għall-aħbar li nqatlet Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
11:23 Dwar l-assassinju, Bonnici jgħid "kulħadd kien maħsud, kulħadd kien rasu maqtugħa."
Sephora Francalanza
11:21 Mill-ġdid, jgħid li din id-deċiżjoni swiet lil Joseph Muscat il-kariga ta' Prim Ministru.
Sephora Francalanza
11:20 Il-Ministru jgħid li ħadd ma ħa pjaċir. Jgħid li kien hu li ħabbar li se ssir investigazzjoni fuq 17 Black fil-Parlament.
Sephora Francalanza
11:20 Il-Bord jistaqsih x'kienet ir-reazzjoni tal-Kabinett għall-aħbar ta' 17 Black.
Sephora Francalanza
11:19 Dr Bonnici issa huwa mistoqsi fuq 17 Black.
Sephora Francalanza
11:19 L-Avukata Comodini Cachia titbissem.
Sephora Francalanza
11:16 Lil Yorgen Fenech, il-Ministru Bonnici qatt ma rah Kastilja. "Qas kont naf li jeżisti, qas kont naf li hawn xi ħadd b'dak l-isem."
Sephora Francalanza
11:15 "Quddiemi l-Prim Ministru dejjem ħa azzjonijiet biex l-omiċidju jissolva," jistqarr Owen Bonnici.
Sephora Francalanza
11:13 Bonnici jwieġeb li b'konsegwenza ta' dan, Joseph Muscat spiċċa biex irreżenja.
Sephora Francalanza
11:13 "U fil-każ ta' Keith Schembri?" jistaqsi l-Bord.
Sephora Francalanza
11:12 Iżid jgħid li l-Prim Ministru Muscat kellem lil kull membru fil-Kabinett kull wieħed biex tittieħed azzjoni. Eventwalment, Mizzi tneħħa minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u spiċċa bla portafoll.
Sephora Francalanza
11:09 Il-Ministru jgħid li qatt ma ra uffiċċju ta' Nexia BT Kastilja. F'seba' snin, lil Brian Tonna rah darba f'Kastilja.
Sephora Francalanza
11:08 Il-Ministru jgħid li ġab miegħu lista ta' inkjesti li nfetħu dwar dawn l-allegazzjonijiet.

"Aktar kemm ikunu konklużi malajr, aktar il-poplu jkun jaf hemmx nies b'attività illegali jew le."
Sephora Francalanza
11:07 "Meta bdew iqumu l-allegazzjonijiet, kont konfortat mill-fatt li kienu qed isiru investigazzjonijiet ta' natura maġisterjali."
Sephora Francalanza
11:06 Dwar il-lista ta' persuni Maltin li fetħu trust barra minn Malta, Bonnici jgħid li fiha hemm ħafna nies tan-negozju.
Sephora Francalanza
11:05 Għaldaqstant, l-argument huwa jekk nies tan-negozju għandhomx jokkupaw karigi politiċi.
Sephora Francalanza
11:05 Fil-konfront ta' Keith Schembri, Bonnici jgħid li dan hu negozjant.
Sephora Francalanza
11:04 Il-Ministru jwieġeb li li wieħed ikollu trust f'pajjiż ieħor, "tibgħatli messaġġi li ma jogħġbunix." Jissokta jgħid, "Li jkollok ministru tal-Gvern jiftaħ trust il-Panama hija naive ħafna; mort fuq Konrad u għidtlu, 'X'fettillek?'"
Sephora Francalanza
11:03 Bonnici hu mistoqsi x'kienet ir-reazzjoni tiegħu bħala Ministru tal-Ġustizzja.
Sephora Francalanza
11:02 Il-mistoqsijiet issa jduru għas-suġġett tal-Panama Papers.
Sephora Francalanza
11:02 Bonnici jgħid li essenzjalment kien Dr Grech imma dan kien jiddelega x-xogħol ukoll. Apparti hekk, Bonnici kellu avukat fl-uffiċċju tiegħu li kien jassistih ukoll.
Sephora Francalanza
11:01 Il-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino jistaqsi dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja fuq is-saltna tad-dritt f'Malta, jekk kienx l-Avukat Ġenerali li kien jassisti lill-Gvern f'din il-ħidma.
Sephora Francalanza
11:00 Mistoqsi l-pariri kinux ikunu bil-miktub, Bonnici jispjega li l-pariri fi kwistjonijiet importanti bil-miktub, meta ried jgħaddihom lill-Prim Ministru bil-miktub.
Sephora Francalanza
11:00 Ir-relazzjoni ta' Bonnici mal-Avukat Ġenerali Peter Grech kienet waħda "kordjali ħafna," jgħid Bonnici.
Sephora Francalanza
10:58 Dr Comodini Cachia toġġezzjona.
Sephora Francalanza
10:53 Dr Bonnici jgħid li jekk kien hemm Ministru li kellu xi każ kontra Caruana Galizia, bl-emendi li ħa ħsieb hu fil-liġi, waqqagħlu l-każ.
Sephora Francalanza
10:52 Il-Ministru jgħid li minkejja li qalet il-ġurnalista, huwa rah il-blogg. Rah ħaddieħor ukoll. "Jien rajtu b'għajnejja dak il-kliem."
Sephora Francalanza
10:50 Dwar il-blogg li semma Bonnici li kitbet Caruana Galizia fuqu fejn allegatament qalet li Bonnici għandu jiġrilu bħalma ġara lil Mussolini, Comodini Cachia tikkwota blogg ta' Caruana Galizia ppubblikat fit-23 ta' Marzu, 2017, li fih hija tgħid li hija gidba tal-Ministru li kitbet dan il-blogg.
Sephora Francalanza
10:48 Hija ssemmi dan l-artiklu biex turi lill-Ministru li lil Daphne Caruana Galizia ma ddeskrivihiex bħala "hate blogger" fit-tweets biss.
Sephora Francalanza
10:46 Dr Comodini Cachia tirreferi għal artiklu ppubblikat fit-12 ta' Frar, 2017, jismu "Il-Ministru Owen Bonnici: 'Daphne hija hate blogger'" miktub minn Albert Gauci Cunningham.
Sephora Francalanza
10:45 Dwar il-blogg ta' Glenn Bedingfield kien qal ukoll li l-istil ma jogħġbux. Jidhirlu li ma kienx hemm paragun bejn dan il-blogg u dak ta' Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
10:45 Jisħaq li kien hemm min, ċittadini privati, li riedu jagħmlu kampanja kontra l-bloggs ta' Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
10:44 Dr Bonnici jkompli jgħid, "Li l-Ministru tal-Ġustizzja jagħmel tweet fuq stil ta' kitba naħseb li huwa dritt f'soċjetà demokratika."
Sephora Francalanza
10:41 Il-Ministru ma jidhirlu li qabeż ebda linja meta kiteb fuq Twitter kontra hate blogging.
Sephora Francalanza
10:40 "Aħna dħalna fil-politika mhux biex noqogħdu nitgħajru imma biex nagħmlu l-ġid, għandi dritt ngħid dak il-hate blogging mhux tajjeb."
Sephora Francalanza
10:39 Bonnici jgħid li jikkundanna kwalunkwe kitba ta' mibegħda li tiġi minn fejn tiġi.
Sephora Francalanza
10:39 "Ma naħsibx li huwa stil ta' kitba li jagħmel ġid lill-poplu."
Sephora Francalanza
10:38 Isemmi blogg li kitbet Caruana Galizia li "Misshom jagħlquh f'nofs il-pjazza bħal Mussolini." Jgħid li tħassar dan il-blogg imma hu qrah.
Sephora Francalanza
10:37 Jissokta jgħid li kellha stejjer tajbin ħafna imma mbagħad kellha oħrajn li "mhumiex l-istil tiegħu" għax kienu personali ħafna.
Sephora Francalanza
10:37 Il-Ministru jgħid li jiftakar blogg li kitbet Caruana Galizia meta miet Dom Mintoff li kien insensittiv, "ma tgħidx affarijiet hekk."
Sephora Francalanza
10:36 Meta ħareġ għall-kariga ta' Deputat Mexxej kien ikkritika kwalunkwe bloggs ta' dan it-tip.
Sephora Francalanza
10:36 Il-Ministru jgħid li anke l-Arċisqof darba qal li l-bloggs m'għandhomx jintużaw biex jinstigaw il-mibegħda.
Sephora Francalanza
10:35 Madankollu, fiż-żmien li kienet tikteb Caruana Galizia "kien hawn sentiment fil-pajjiż mingħand diversi nies li ċerti stejjer fil-bloggs kienu jiddirettaw fuq affarijiet purament personali. Ħafna nies bejniethom kienu jgħidu, 'dan mhux sewwa.'"
Sephora Francalanza
10:34 Il-Ministru jwieġeb li ħa deċiżjoni konxja li ma jagħmilx libell kontra ġurnalisti u juża d-Dritt tar-Risposta minflok.
Sephora Francalanza
10:33 Comodini Cachia tistaqsi kif jiġġustifika tweets li kiteb hu fejn sejjaħ lil Daphne Caruana Galizia "hate blogger" pereżempju waħda tat-8 ta' Frar 2017.
Sephora Francalanza
10:31 Bonnici jispjega li xogħlu kien li jfassal il-pakkett leġiżlattiv u jnedih. Jgħid li Jonathan Cardona sar jifhem ħafna fis-suġġett hu u kien jistrieħ aktar fuqu milli fuq Kalin.
Sephora Francalanza
10:30 Il-Ministru jgħid li wieħed jista' jara li hu ma wiġibx. Il-Ministru jgħid li aħjar jiġi mistoqsi Joseph Muscat dwar it-tweġiba tiegħu.
Sephora Francalanza
10:26 L-Avukata Comodini Cachia tgħaddi dokument lill-Ministru Bonnici bl-email li kien intbagħat minn Christian Kalin dwar azzjoni li se tittieħed kontra kmamar tal-aħbarijiet.
Sephora Francalanza
10:24 Il-Ministru Bonnici jgħid li kulma seta' jagħmel kontra azzjonijiet tas-SLAPP, għamlu.
Sephora Francalanza
10:20 Il-Ministru jgħid li f'għajnejh għal Muscat, dan kien proġett bħal proġetti oħrajn. "Kien Prim Ministru li jsegwi ħafna, irid ikun jaf id-deadlines ta' kull proġett."
Sephora Francalanza
10:20 Fl-istess ġimgħa tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qiegħed Dubaj jippromwovi din l-iskema.

L-Avukata Comodini Cachia tistaqsih, allura, dan kienx proġett bħall-oħrajn għal Joseph Muscat.
Sephora Francalanza
10:19 L-Avukat Jason Azzopardi jidher qed jitbaqbaq u jgħaddi xi kummenti lill-Avukata Comodini Cachia li qed tistaqsi l-mistoqsijiet. "Ippermettuli," jgħidilhom il-Ministru Bonnici.
Sephora Francalanza
10:18 Dakinhar kien hu biss minn Malta, flimkien ma' Jonathan Cardona, il-Kap Eżekuttiv tal-iskema taċ-ċittadinanzi.
Sephora Francalanza
10:17 Il-Ministru Bonnici jgħid li dawn kienu konferenzi. Hu attenda waħda f'Londra.
Sephora Francalanza
10:16 L-Avukata Comodini Cachia tistaqsih allura għaliex għar-road shows kien dejjem jattendi l-Prim Ministru u mhux hu.
Sephora Francalanza
10:16 Il-Ministru jgħid li ma rax lill-Prim Ministru Muscat jagħmel xi sforz biex dan il-proġett isir.
Sephora Francalanza
10:15 Itenni li ma jafx għaliex din l-email intbagħtet lil Joseph Muscat, u ma jafx għaliex hu inkluż fiha.
Sephora Francalanza
10:15 Il-Ministru jisħaq li kien jiġi kritikat il-ħin kollu li kellu indirizz elettroniku @josephmuscat.com mentri dan ma kienx veru.
Sephora Francalanza
10:14 Jgħid li insista li ma kellux indirizz elettroniku bid-domain @josephmuscat.com, biex juri li dak li jinkiteb mhux dejjem ikun veritier.
Sephora Francalanza
10:12 L-avukata ssemmi li Joseph Muscat kellu indirizz elettroniku joseph@josephmuscat.com. Tistaqsih jekk għandux xi pożizzjoni kontra dan ladarba insista li hu ma kellux indirizz elettroniku hekk.
Sephora Francalanza
10:11 L-Avukata Comodini Cachia tgħid li trid li l-Ministru jagħti t-tweġiba dwar meta ltaqa' ma' Christian Kalin u min kien jgħinu mill-OPM fl-iskema tal-passaporti "meta jiftakar jew ifittex."
Sephora Francalanza
10:11 Bonnici jgħid li kien hemm persuna li kienet tgħinu li ma jiftakarx isimha.
Sephora Francalanza
10:10 Comodini Cachia tistaqsih fl-iskema tal-IIP kienx Keith Schembri li tah l-għajnuna min-naħa tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Sephora Francalanza
10:10 Iwieġeb, "Kien hemm ħafna nies tajbin."
Tistaqsi, "Keith Schembri ma kienx tajjeb?"
Iwieġeb, "Le, kien hemm ħafna nies tajbin."
Sephora Francalanza
10:10 Comodini Cachia tistaqsih l-għajnuna kinitx tiġi mill-uffiċċju ta' Keith Schembri.
Sephora Francalanza
10:08 Il-Ministru jgħid li kellu ħafna proġetti taħt idejh li jiswew il-flus meta kien Ministru tal-Ġustizzja. Allura kellu bżonn l-assistenza tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, pereżempju biex tiġi kordinata għajnuna finanzjarja.
Sephora Francalanza
10:07 L-avukata terġa' tistaqsi jekk Keith Schembri introduċiex lil Owen Bonnici ma' Christian Kalin qabel jew wara ġiet ippubblikata s-sejħa għal investitur għall-programm taċ-ċittadinanza.

"Għandi nifhem li kienet wara. Noqgħod ma' li xhedt fil-Public Accounts Committee."
Sephora Francalanza
10:06 L-Avukata Therese Comodini Cachia għandha xi domandi supplimentari fuq dan is-suġġett.
Sephora Francalanza
10:06 Itenni li l-uniku libell li fetaħ fil-konfront ta' ġurnalist kien kontra n-NET, iżda l-kwistjoni ġiet riżolta f'seduta waħda.
Sephora Francalanza
10:04 Il-Ministru jgħid li ħass li ma kellux iwieġeb, il-pożizzjoni tiegħu kienet ċara fil-laqgħa li kellhom.
Sephora Francalanza
10:04 L-Imħallef Abigail Lofaro tgħidlu kieku hi kienet twieġeb biex tgħid li ma taqbilx.
Sephora Francalanza
10:03 Jgħid li l-email qatt ma wieġbu. "Ma tajthom ebda sostenn għal din il-perkors, la dirett u lanqas indirett."
Sephora Francalanza
10:02 Il-Ministru jgħid li qatt ma pproċeda kontra ebda ġurnalist.
Sephora Francalanza
09:59 Il-Ministru jgħid li kieku ried, seta' jinkariga lill-Avukat Ġenerali li kien għad-dispożizzjoni tiegħu, biex jibgħat ittra interpellatorja. Ma kellux bżonn lil investitur internazzjonali biex jagħmel dan.
Sephora Francalanza
09:58 Il-membri tal-familja ta' Caruana Galizia jidhru joġġezzjonaw għal li qed jgħid Bonnici.
Sephora Francalanza
09:57 "Żgur ma kkumplottajt ma' ħadd biex isiru xi proċeduri internazzjonali kontra ħadd."
Sephora Francalanza
09:57 L-email jaf irċevieha imma ma wiġibhiex.
Sephora Francalanza
09:57 Jgħid li għandu żewġ indirizzi elettroniċi: tal-Gvern u ieħor tal-kostitwenza.
Sephora Francalanza
09:56 Il-Ministru jgħid li hu qatt ma kellu indirizz elettroniku owen.bonnici@josephmuscat.com.
Sephora Francalanza
09:55 It-tweġiba ta' Bonnici kienet li f'Malta normalment tintbagħat ittra interpellatorja li fiha jiġu ċċarati l-fatti.
Sephora Francalanza
09:54 Kalin qallu li għandhom sentiment li hawn ġurnalista f'Malta li qed tagħmel artikli li jattakkaw il-kredibbiltà ta' Henley & Partners. Qallu li jrid jinfurmah li kienu se jipproċedu kontra l-ġurnalista b'mezzi legali biex jipproteġu r-reputazzjoni tagħhom.
Sephora Francalanza
09:54 Iltaqgħu u kien hemm ukoll Jonathan Cardona.
Sephora Francalanza
09:53 Il-Ministru jgħid li dak iż-żmien kellu responsabbiltà taċ-ċittadinanza. Ftit jiem qabel, Kalin talbu żjara ta' kortesija biex jaġġornah bl-iskema.
Sephora Francalanza
09:52 Il-Bord jgħid lil Bonnici li Caruana Galizia kienet ippubblikat serje ta' emails bejn Kalin, Joseph Muscat, Bonnici nnifsu, Jonathan Cardona li kien responsabbli għall-iskema taċ-ċittadinanza:

daphnecaruanagalizia.com/2017/05/prime-minister-chief-staff-use-josephmuscat-com-addresses-deal-secretly-henley-partners-chairman-addresses-keith-joseph-order/
Sephora Francalanza
09:51 Mistoqsi Kalin kienx involut fid-drafting tal-iskema, Bonnici jgħid li mhux infurmat.
Sephora Francalanza
09:50 Il-Ministru jistqarr li kellu relazzjoni "daqsxejn partikolari" mas-Sur Kalin. Għandu karattru riżervat u "very cold," "mhux xi wieħed li taqbad titkellem miegħu." Qal li diffiċli tifforma ħbiberija miegħu.
Sephora Francalanza
09:50 Jgħid li tul is-snin, iltaqa' xi 3/4 darbiet ma' Christian Kalin.
Sephora Francalanza
09:49 Il-Ministru jgħid li dak iż-żmien iċ-ċittadinanza kienet responsabbiltà tal-Ministru tal-Intern Manuel Mallia dak iż-żmien. Huma kienu qed jaħdmu id f'id fuq dan il-proġett.
Sephora Francalanza
09:49 Il-Ministru hu mistoqsi jekk kienx ġie introdott lil Christian Kalin minn Henley & Partners minn Keith Schembri qabel jew wara li ntgħażlu Henley & Partners.

Huwa jgħid li jista' jippreżenta d-dettalji fix-xhieda li kien ta lill-Public Accounts Committee għax ma jiftakarx sewwasew.
Sephora Francalanza
09:47 Jgħid li sa fejn jaf hu, ma kienx hemm involviment dirett ta' Henley & Partners. Jgħid, iżda, li hu kien xehed quddiem il-Public Accounts Committee. Joffri li jippreżenta x-xhieda tiegħu f'din l-inkjesta għax hemm kien ta d-dettalji.
Sephora Francalanza
09:46 Il-Ministru jgħid li l-avviż legali ma kienx wieħed ikkumplikat.
Sephora Francalanza
09:45 Bonnici jgħid li kien hemm sejħa biex jintgħażel aġent. L-irwol ta' Bonnici kien li jipprovdi qafas legali għal dan. Id-drafting sar mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Sephora Francalanza
09:43 Fl-2013 Bonnici kien Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja. Huwa ġie introdott lil Christian Kalin, minn Henley & Partners. Keith Schembri kien laqqa' liż-żewġ irġiel flimkien.
Sephora Francalanza
09:41 L-ewwel mistoqsija hija dwar l-iskema tal-IIP – x'kien l-involviment ta' Bonnici?
Sephora Francalanza
09:41 Jitla' jixhed il-Ministru Owen Bonnici b'fajl kbir f'idejh.
Sephora Francalanza
09:40 Aqra aktar fuq dan il-każ hawn:

newsbook.com.mt/repubblika-twieghed-li-tara-li-l-inkjesta-fuq-il-qtil-ta-daphne-tibqa-indipendenti/.
Sephora Francalanza
09:40 Kopja ta' din il-post u kummenti fuqha tqiegħdu fl-atti ta' din l-inkjesta bħala prova.
Sephora Francalanza
09:39 Bedingfield qal li l-inkjesta qed issir politiċizzata. L-NGO Repubblika ħarġet stqarrija li fiha qalet li l-inkjesta għandha tibqa' waħda indipendenti u ma jkunx hemm indħil mill-Gvern.
Sephora Francalanza
09:38 Il-Bord jgħid li ġiet attirata l-attenzjoni tiegħu għall-post fuq Facebook tal-Whip Glenn Bedingfield, li huwa xhud f'din l-inkjesta.
Sephora Francalanza
09:37 Il-Bord tal-Inkjesta għadu kemm daħal fl-awla.
Sephora Francalanza
09:35 Meta laħaq Prim Ministru Robert Abela f'Jannar li għadda, huwa ta ordni biex il-mafkar ma jitneħħiex.
Sephora Francalanza
09:34 Huwa kien instab ħati li kiser id-dritt tal-espressjoni tal-attivisti meta għamel dan.
Sephora Francalanza
09:34 Il-Ministru kien ġie kritikat mill-attivisti u mill-familja tal-vittma talli ordna li jitnaddaf il-mafkar li sar għall-ġurnalista, darba wara oħra. Dan il-mafkar kien tqiegħed fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta, quddiem il-qorti.
Sephora Francalanza
09:33 Il-Ministru Owen Bonnici llum x'aktarx jiġi mistoqsi fuq żmienu bħala Ministru tal-Ġustizzja, il-kariga li kien jokkupa meta nqatlet il-ġurnalista fl-2017.
Sephora Francalanza
09:32 Infakkrukom li fl-aħħar seduta jumejn ilu xehed id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li ġie mistoqsi fuq il-bejgħ tat-tliet sptarijiet, fuq il-kitchen cabinet ta' Joseph Muscat u r-relazzjoni tiegħu ma' Keith Schembri.
Sephora Francalanza
09:32 Is-seduta kellha tibda fid-9.30am. Għalissa għadna qegħdin nistennew lill-Bord tal-Inkjesta jasal.
Sephora Francalanza
09:27 Jasal issa l-armel ta' Daphne Caruana Galizia, l-Avukat Peter Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
09:23 Qabel daħal fl-awla, il-Ministru kien fuq mejda jdur xi karti.
Sephora Francalanza
09:23 Hawn ukoll l-avukati parte civile u xi membri tal-familja ta' Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
09:23 Ix-xhud tal-lum, il-Ministru Owen Bonnici, diġà jinsab fl-awla.
Sephora Francalanza
09:22 L-għodwa t-tajba, nilqgħukom għal dan il-blogg live minn awla 22.
Sephora Francalanza

Fl-aħħar seduta jumejn ilu xehed id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Xi spikka mix-xhieda tad-Deputat Prim Ministru?

  • Teoretikament il-bejgħ tat-3 sptarijiet lil Vitals Global Healthcare kien proġett tajjeb
  • Iltqajt ma’ sid il-VGH darba meta kont għadni Segretarju Parlamentari għas-Saħħa
  • Sirt naf bil-kitchen cabinet ta’ Muscat mix-xhieda tal-Ministru Edward Scicluna fil-Qorti
  • Ir-raġuni li l-Gvern afda ħafna proġetti lil persuna waħda kienet għax “Konrad Mizzi kapaċi jmexxi proġett u biex ikun hemm kontinwità”
  • Ma naqbilx mal-mod kif l-irwol ta’ Chief of Staff evolva tul is-snin
  • Keith Schembri deher li kien qed jaħdem biex ma nerġax nitla’; ir-relazzjoni bejnietna bdiet sejra lura
  • Qatt ma ltqajt ma’ Yorgen Fenech u qatt ma rajt lil Brian Tonna jew Karl Cini f’Kastilja
  • Qatt ma kkomunikajt ma’ Yorgen Fenech; ma kontx naf li kien qrib ta’ xi nies fil-Gvern jew fl-amministrazzjoni
  • Naħseb li l-għan tal-mandant tal-qtil ta’ Daphne kien li jwissi lil ġurnalisti oħra joqogħdu attenti x’jiktbu
  • Sirt naf bl-elezzjoni bikrija tal-2017 meta tħabbret pubblikament
  • Joseph Muscat qalli li l-assassinju kien l-agħar ħaġa li setgħet ġrat lill-Gvern tiegħu

Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.