Il-Ministru Owen Bonnici bi 11-il kawża kontra Identity Malta

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali kellu 11-il kawża kontra Identity Malta.
Mit-tabella ppreżentata fil-Parlament mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici, joħroġ li l-Ministeru ressaq lill-Identity Malta l-Qorti ħames darbiet fl-2015 u sitt darbiet is-sena l-oħra.
Għad-domanda tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco, Dr Bonnici qal li bejn l-2012 u din is-sena kellu 243 kawża kontra l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Is-sena l-oħra ressaq l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali 64 darba quddiem il-Qorti. Filwaqt li din is-sena diġà kellu seba’ kawżiet.
Huwa kellu wkoll tliet kawżiet kontra l-Awtorità tax-Xandir u tnejn oħra kontra s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.
Il-Ministru għall-Kultura kellu kawża fl-2014 kontra t-Teatru Manoel u tmien kawżiet kontra Heritage Malta bejn l-2012 sal-2015.
Fl-2012 kellu kawża kontra l-Kunsill tal-Arti u l-Kultura u fl-2016 kellu kawża oħra kontra r-Reġistrar.