Il-Ministru Mizzi jaħfer €7,000 multa lil persuna li mmalafamatu

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Joe Mizzi, ħafer il-multa ta’ €7,000 li ġie kkundannat iħallas raġel gta’ 59 sena mill-Birgu aktar kmieni dil-ġimgħa.
Fl-2015, ir-raġel  kien akkuża lil Mizzi korrott u kiteb kliem dispreġjattiv dwaru.
Huwa kien ilmenta li t-triq tiegħu kienet qed iddum biex titlesta,filwaqt li triq oħra viċin tiegħu kien għaddej ix-xogħol b’mod frekwenti biex titlesta fil-ħin għall-wasla tar-Reġina Eliżabetta.
Minkejja li kien neħħa l-kumment malafamanti minn fuq Facebook, ir-raġel baqa’ ma talabx apoloġija, u l-Qorti weħħlitlu l-multa.
Minkejja dan, Mizzi qal fi stqarrija li għalih l-importanti kien li l-Qorti stabbilixxiet li l-affarijiet li ntqalu kontrih ma kinux minnhom.
Min-naħa tiegħu, is-Sur Grech skuża ruħu formalment mal-Ministru. Huwa stqarr li ma kien hemm l-ebda bażi għal dak li kiteb, u talab apoloġija inkundizzjonata. Huwa rringrazzja lill-Ministru Mizzi li laqa’ din l-apoloġija.