Il-Ministru missu jirriżenja jekk ma jistax jassigura sigurtà fil-ħabs – L-Oppożizzjoni

"Il-mewta setgħet ġiet evitata"

Read in English.

L-Oppożizzjoni qalet li l-Ministru għas-Sigurtà Byron Camilleri missu jirriżenja jekk ma jirnexxilux jassigura li l-ħabs huwa post sigur.

Din kienet ir-reazzjoni tal-Oppożizzjoni għall-aħħar mewta li kien hemm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, l-10 waħda fl-aħħar snin.

Il-priġunier ikkommetta suwiċidju fiċ-ċella tiegħu lbieraħ. Miet fl-Isptar Mater Dei ftit tal-ħin wara. Ir-raġel, Malti ta’ 57 sena, kien mistenni jiġi estradit għada lejn l-Istati Uniti minn fejn kien ilu maħrub għal dawn l-aħħar 33 sena. Huwa kien imfittex għal reati relatati ma’ attivitajiet sesswali ma’ minorenni li allegatament twettqu fl-Istati Uniti.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem għall-Oppożizzjoni fuq is-Sigurtà Nazzjonali Beppe Fenech Adami, intqal li din il-mewta setgħet ġiet evitata li kieku fil-ħabs jeżistu sistemi u protokolli effettivi li pemezz tagħhom il-ħajja ta’ kulħadd tiġi protetta. L-Oppożizzjoni qalet li l-ħabs, minflok post ta’ riforma, sar post fejn jirrenja l-biża’ u fejn jintilfu l-ħajjiet.

Il-Ministru Byron Camilleri għandu jara li din is-sitwazzjoni ta’ mwiet tiġi indirizzata bis-serjetà “minflok jinħeba wara l-inkjesti u l-istqarrijiet,” temmet tgħid l-Oppożizzjoni.

It-tħassib ta’ Prof. Andrew Azzopardi fuq is-sitwazzjoni fil-ħabs
Filmat: “Mietu fil-ħabs u ma nafux x’ġara” – il-Prof. Azzopardi