“Kont seren nagħti l-fiduċja tiegħi lil Konrad Mizzi” – Il-Ministru Falzon

Michael Falzon Konrad Mizzi

L-inkjesta pubblika fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kompliet illum bix-xhieda tal-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon.

Din l-inkjesta għandha l-għan tiddetermina jekk l-Istat setax għamel xi ħaġa biex ipprevjena l-qtil tal-ġurnalista, u biex tqis l-aġir tal-Istat wara l-qtil tagħha.

Xi spikka mix-xhieda tal-Ministru Falzon?

  • Mistoqsi fuq il-ħbiberija tiegħu ma’ Joe Gaffarena b’rabta mal-iskandlu tal-pompa tal-petrol li wasslu biex jirriżenja minn Segretarju Parlamentari fl-OPM fl-2016, il-Ministru qal, “M’hawnx negozjant f’Malta li ma nafux għax għamilt kwart ta’ seklu naħdem il-BOV nivvettja l-proġetti.”
  • “Irriżenjajt b’deċiżjoni tiegħi u ġarrejt il-konsegwenzi tar-riżenja jien.”
  • “Meta ġiet diskussa tal-Electrogas, meta ħarġu tal-Panama Papers, ma kontx membru tal-Kabinett. Ma tajtx opinjoni la fuq naħa u lanqas fuq oħra.”
  • 17 Black: “Jekk ngħid il-verità bdejt inħossni ftit skomdu, imma ma kontx mitlub nagħti opinjoni.”
  • “Jekk kien hemm kitchen cabinet żgur li ma kontx parti minnu.”
  • Sar jaf bl-elezzjoni bikrija dakinhar li ħabbarha Joseph Muscat, fl-1 ta’ Mejju, 2017.
  • Il-vot ta’ fiduċja f’Konrad Mizzi f’Novembru tal-2019: “Tajnieh bħala partit. Kont seren nagħti l-fiduċja tiegħi lil Mizzi.”
  • Il-Ministru ma kienx jaf li se jirreżenja Joseph Muscat.

Minuta b’minuta mill-qorti…

15:14 Grazzi talli segwejtuna! Il-kumplament tal-jum it-tajjeb.
Sephora Francalanza
15:14 Is-seduta li jmiss se ssir nhar l-Erbgħa li ġej, meta mistenni jixhed l-Ispettur Kurt Zahra.
Sephora Francalanza
15:13 Ix-xhieda tal-Ministru Falzon tintemm hawn.
Sephora Francalanza
15:13 Il-Ministru jgħid li wara kulħadd għaref. Iħoss li mhux ġust jgħaddi kumment fuq xi ħaġa li diġà saret.
Sephora Francalanza
15:11 L-Imħallef Lofaro tistaqsi lill-Ministru jekk illum jixtieqx li ta parir lil Joseph Muscat ikeċċi lil Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Sephora Francalanza
15:09 Il-Ministru jgħid li ma kienx jaf li se jirriżenja Joseph Muscat.
Sephora Francalanza
15:08 L-Imħallef Lofaro tgħid lix-xhud biex ma jikkumparax il-każ waħdieni li kellu hu ta' Gaffarena mal-għexieren ta' każijiet ta' Konrad Mizzi għax mhux paragun xieraq.
Sephora Francalanza
15:08 "Kont seren li nagħti l-fiduċja tiegħi lil Konrad Mizzi."
Sephora Francalanza
15:07 Mistoqsi fuq il-vot ta' fiduċja li ttieħed f'Konrad Mizzi wara dak li seħħ f'Novembru tal-2019, il-Ministru jgħid, "Ma ngħidx li ma kienx free vote – kienet deċiżjoni bħala partit."
Sephora Francalanza
15:06 Dr Comodini Cachia toffri li l-parte civile u l-ġurnalisti joħorġu mill-awla biex il-Ministru jixhed bil-magħluq jekk jixtieq, imma hu jgħid li m'hemmx bżonn.
Sephora Francalanza
15:06 Jgħid li ma ddiskutewhx wisq, kulħadd kien ixxukkjat.
Sephora Francalanza
15:05 Dr Comodini Cachia tistaqsi lill-Ministru jekk fil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista li saret l-għada tal-assassinju, ġiex diskuss l-assassinju.
Sephora Francalanza
15:05 Jgħid li ma kienx jaf b'dan il-kuntratt meta laħaq Ministru. Li jaf huwa mill-aħbarijiet. Sar jaf b'Melvin Theuma meta l-aħbar ħarġet fil-pubbliku.
Sephora Francalanza
15:03 Il-mistoqsija issa hija fuq ix-xogħol fantażma ta' Melvin Theuma.
Sephora Francalanza
15:01 L-elezzjoni tal-2017: Jgħid li sar jaf biha meta ħabbarha l-Prim Ministru fl-1 ta' Mejju.
Sephora Francalanza
14:56 Mistoqsi jekk qatt kienx hemm xi ħadd fil-Kabinett li ma qabilx fuq xi ħaġa u x'jiġri jekk iseħħ dan, il-Ministru jgħid li "ikun hemm diverġenza t'opinjonijiet imma d-deċiżjoni tal-Kabinett tkun kollettiva."
Sephora Francalanza
14:56 Huwa jibqa' jgħid li hu ma tax opinjonijiet fuq din is-sitwazzjoni.
Sephora Francalanza
14:55 Il-Bord tal-Inkjesta jippersisti bil-mistoqsijiet dwar x'kien l-input tal-Ministru.
Sephora Francalanza
14:55 L-avukata tistaqsih jekk huwa staqsiex x'riskju kien hemm minħabba din il-kwistjoni, partikolarment minħabba l-esperjenza tiegħu jaħdem ġo bank.
Sephora Francalanza
14:54 Il-Ministru jtenni li ma kienx hemm diskussjoni fuq il-kwistjoni ta' 17 Black fil-Kabinett.
Sephora Francalanza
14:53 Dr Comodini Cachia issa tistaqsih jekk jiftakarx meta qamet il-kwistjoni tal-garanzija bankarja tal-Gvern. Jgħid li jiftakar.
Sephora Francalanza
14:53 "Meta ġiet diskussa tal-Electrogas, meta ħarġu tal-Panama Papers, ma kontx membru tal-Kabinett. Ma tajtx opinjoni la fuq naħa u lanqas fuq oħra."
Sephora Francalanza
14:52 L-Avukata Comodini Cachia tistaqsih jekk hix korretta li tgħid li hu ma qal xejn, ma talab ir-riżenja ta' ħadd, eċċ. minkejja li kien tal-prinċipju li jekk issir xi ħaġa ħażina waqt li hu responsabbli, jirriżenja.
Sephora Francalanza
14:52 Iwieġeb li la bħala partit u lanqas bħala Gvern, qatt ma kien hemm xi direzzjoni biex jaqdu lin-negozjanti.
Sephora Francalanza
14:51 Il-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino issa jistaqsi lill-Ministru Falzon jekk ir-relazzjoni bejn il-politiċi u n-negozjanti tinkwetahx.
Sephora Francalanza
14:50 Sar jaf bil-ħbiberija bejn Yorgen Fenech u Keith Schembri mill-midja.
Sephora Francalanza
14:50 Qatt ma ra lil Yorgen Fenech f'Kastilja.
Sephora Francalanza
14:50 Meta kien għaddej il-proċess tad-diskussjoni fuq ir-riklamazzjoni tal-art, kien hemm 4 intrapriżi differenti li għamlu preżentazzjoni. Kien preżenti dakinhar, imma kien jaf bih, ma kienx jafu.
Sephora Francalanza
14:50 Il-Ministru jgħid li ma kienx jafu.
Sephora Francalanza
14:48 Il-mistoqsijiet issa huma fuq Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
14:46 Il-Ministru jgħid li ma jidhirlux li l-proġett tal-windfarms f'Montenegro ġie diskuss fil-Kabinett.
Sephora Francalanza
14:45 Madankollu jgħid li meta hu kien parti mill-Kabinett, ġieli tressqu proġetti kbar bħal tar-riklamazzjoni tal-art.
Sephora Francalanza
14:45 Mistoqsi issa kif kienu jiġu preżentati l-proġetti l-kbar tal-Vitals, tal-Electrogas, eċċ. jgħid li hu ma kienx parti mill-Kabinett dak iż-żmien.
Sephora Francalanza
14:44 Huwa jwieġeb li, "Jekk kien hemm kitchen cabinet żgur li ma kontx parti minnu. Kulħadd ikollu lil dawk iżjed viċin tiegħu."
Sephora Francalanza
14:44 Il-Ministru issa hu mistoqsi hux konxju tal-kitchen cabinet ta' Joseph Muscat.
Sephora Francalanza
14:43 L-Imħallef Lofaro taqbel li din qed toħroġ biċ-ċar minn din l-inkjesta.
Sephora Francalanza
14:43 "Impressjonanti l-assenza ta' inizjattiva fil-Kabinett," jikkummenta l-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino.
Sephora Francalanza
14:43 Il-Ministru jgħid li hu ma kienx involut f'diskussjoni dwar x'se jsir.
Sephora Francalanza
14:41 Jgħid li l-aħbar tal-assassinju kienet xokk, ma kienx jaf lil Daphne Caruana Galizia mill-viċin imma kienet xokk għalih.
Sephora Francalanza
14:39 Il-Ministru jgħid li l-allegazzjonijiet fuq 17 Black ma ġewx diskussi fil-Kabinett.
Sephora Francalanza
14:39 "Konna nkunu aħjar mingħajr din is-sitwazzjoni."
Sephora Francalanza
14:37 17 Black:

Mistoqsi ħassux skomdu mill-Imħallef Abigail Lofaro, il-Ministru jgħid li, "Jekk ngħid il-verità bdejt inħossni ftit skomdu, imma ma kontx mitlub għandix opinjoni."
Sephora Francalanza
14:36 Il-Ministru jikkonferma li daħal lura fil-Kabinett wara l-elezzjoni tal-2017.
Sephora Francalanza
14:36 Ir-riżenja tiegħu kienet għadha friska u ma xtaqx li jindaħal wisq. Ħalla f'idejn il-Prim Ministru biex jagħżel fl-aħjar interess tal-Gvern.
Sephora Francalanza
14:34 Mistoqsi jekk il-PM Joseph Muscat kienx bagħat għalih biex jistaqsih għall-pożizzjoni tiegħu dwar il-Panama Papers u l-pożizzjonijiet ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri, il-Ministru qal li hu ma kienx fil-Kabinett dak iż-żmien.
Sephora Francalanza
14:33 Il-Ministru jgħid li t-tmexxija taħt Robert Abela nbidlet għax "kulħadd għandu l-istil tiegħu."
Sephora Francalanza
14:33 Mistoqsi jekk Keith Schembri kellux ħafna poter, il-Ministru jevadi l-mistoqsija. Itenni li qatt m'għamillu pressjoni biex jagħmel xi ħaġa.
Sephora Francalanza
14:32 "Qatt ma sfurzawni nagħmel xi ħaġa li m'għandix nagħmel."
Sephora Francalanza
14:31 "Qatt ma kien hemm clashes" jgħid il-Ministru Falzon dwar ir-relazzjoni tiegħu ma' Joseph Muscat u Keith Schembri fi żmienu bħala Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Sephora Francalanza
14:31 Aqra aktar dwar il-każ ta' Gaffarena hawn: newsbook.com.mt/awdjo-ir-rizenja-ta-michael-falzon-turi-rispett-lill-awditur-generali/.
Sephora Francalanza
14:30 "Teskludi li r-riżenja tiegħek ġiet imħeġġa minn ħaddieħor?" Jgħid li kienet xi ħaġa li ddeċieda hu, u ġarr il-konsegwenzi tagħha hu.
Sephora Francalanza
14:28 Il-Ministru jgħid li meta kien Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, id-deċiżjonijiet kien joħodhom hu.
Sephora Francalanza
14:28 Mistoqsi jekk kienx siefer għall-kaċċa mas-Sur Gaffarena, il-Ministru jgħid li darba mar tour tal-kaċċa u fost in-nies li kien magħhom, kien hemm Gaffarena.
Sephora Francalanza
14:27 "M’hawnx negozjant f’Malta li ma nafux għax għamilt kwart ta’ seklu naħdem il-BOV nivvettja l-proġetti."
Sephora Francalanza
14:27 Huwa qed jiġi mistoqsi fuq ir-relazzjoni tiegħu man-negozjant Gaffarena.
Sephora Francalanza
14:27 Il-Ministru Michael Falzon hu x-xhud tal-lum.
Sephora Francalanza
14:27 Il-waranofsinhar it-tajjeb u nilqgħukom għal dan il-blogg live mill-qorti.
Sephora Francalanza

Fl-aħħar seduta xehed il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela.

Xi spikka mill-aħħar seduta?

  • Abela qal li Mizzi kien jippreżenta l-proġett pubblikament mingħajr ma jidħol f’ħafna dettalji.
  • “Jidher li Schembri kien parti minn grupp li kien qed jipprepara l-manifest tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni tal-2013,” qal Abela.
  • “Il-Pulizija hija indipendenti u tħalliet taħdem b’mod ħieles. Ma kontx konxju tal-pariri li ngħataw mill-Avukat Ġenerali,” Abela dwar kumpaniji barra minn Malta.
  • “X’nista’ ngħid, mill-perspettiva tiegħi ħassejt li kien importanti li huma jnaddfu isimhom qabel ma jkomplu bix-xogħol tagħhom. Kont għidt dan lill-Prim Ministru.” – Abela dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri.
  • “Meta qaluli għall-ewwel ma emmintx. Kont imbellah. Kienet xi ħaġa kundannabbli u kont ixxukkjat. Ippruvajt nara x’kienu qed jirrappurtaw il-gazzetti,” qal Abela dwar meta sema’ l-aħbar dwar il-qtil ta’ Daphne Caruan Galizia.

Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.