Il-Ministru ma jintrabatx li jippubblika l-inkjesta dwar Mercieca

Read in English.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ma ntrabatx li jippubblika l-inkjesta dwar rapporti li żvelaw kif l-avukat Charles Mercieca li kien jaħdem fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali rreżenja mill-impjieg tiegħu u l-għada beda jirrappreżenta lil Yorgen Fenech, l-akkużat bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Mistoqsi mid-deputat Laburista Jean Claude Micallef, il-Ministru Zammit Lewis qal li din mhix inkjesta minħabba li Ministru ma jistax jiddixxiplina xi avukat ieħor. Spjega li dak il-mandat jaqa’ taħt l-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

Huwa qal li wara li rċieva għadd ta’ mistoqsijiet minn barra minn Malta, huwa ddeċieda li jqabbad lil eks-Prim Imħallef Joseph Azzopardi biex jara x’ġara eżattament fil-każ ta’ Charles Mercieca li mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali spiċċa ngaġġjat minn Yorgen Fenech biex jiddefendih fil-każ li fih hu akkużat li huwa l-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament fil-ħin tal-mistoqsijiet, Zammit Lewis qal li wara li rċieva kritika fuq mezzi soċjali dwar il-fatt li l-eks Prim Imħallef ma ngħatax terms of reference, ried jagħmilha ċara li ħa parir legali dwar dan. Hu qal li ma jridx li b’ebda mod jiżvija jew jikxef idejn il-Prim Imħallef billi jippubblika t-termini ta’ din l-investigazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista wkoll talab biex jiġu ppubblikati t-termini tal-inkjesta.

Huwa ħabbar ukoll li l-Gvern bħalissa qed jaħdem fuq pjan li permezz tiegħu l-Qorti terġa’ tiftaħ mill-ġdid, filwaqt li stqarr li kemm il-Qorti tal-familja kif ukoll ċertu kawżi jistgħu jinstemgħu mingħajr il-partijiet ikunu preżenti.