Il-Ministru ma jħallix lid-Direttur tal-Ħabs jitkellem fuq 103

Read in English.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri ma ħallix lid-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli jitkellem fil-programm Andrew Azzopardi on 103 li ddiskuta l-kriminalità.

Il-Professur Andrew Azzopardi qal li l-kurunell Alex Dalli kien mistieden biex jintervjeni fil-programm bi kwalunkwe mod kemm b’telefonata jew Skype. Qal li hu kellu laqgħat mad-Direttur tal-Ħabs li damet għal madwar sagħtejn u li fiha kien attenda wkoll rappreżentant tal-Ministeru.

Fil-programm fuq 103 Malta’s Heart li jixxandar kull nhar ta’ Sibt filgħodu, Andrew Azzopardi speċifika li ma kienx hu li ma riedx jagħmel intervent fil-programm iżda kien il-Ministeru li ma tahx permess.

Din mhix l-ewwel darba li l-Ministeru għall-Intern jostor dak li qed jiġri fil-ħabs ta’ Kordin. Minkejja għadd ta’ mistoqsijiet li jintbagħtu regolarment lill-Ministeru għall-Intern, ftit ikunu dawk li jiġu mwieġba bi tweġibiet għad-dettalji li jkunu ntalbu.

Apparti n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar x’qed jiġri fil-ħabs, Newsbook.com.mt żvela kif is-sitwazzjoni tal-pandemija tal-coronavirus fil-ħabs tinsab “bla kontroll”, hekk kif is-sitwazzjoni ta’ spazju fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sejra mill-ħażin għall-agħar. 

Il-programm jixxandar fuq Newsbook.com.mt fis-1pm.