​Il-Ministru ma jgħidx xi kwalifiki għandha Buttigieg

Il-Ministru għall-Gvern Lokali Owen Bonnici ma qalx x’inhuma l-kwalifiċi tal-ġurnalista tal-istazzjon One Nicole Buttigieg biex din isservi fuq il-Bord tal-Petizzjonijiet li jkun jista’ jirtira xi multi.
Nicole Buttigieg, li taħdem mal-istazzjon tal-Partit Laburista, ġiet appuntata mill-Ministru Owen Bonnici biex isservi fuq il-Bord tal-Petizzjonijiet. Skont il-liġi, il-persuni appuntati fuq dan il-Bord iservu għal-perjodu ta’ sentejn u jistgħu jitneħħew mill-Prim Ministru.
Nicole Buttigieg għandha 21 sena u skont il-liġi hija se tkun tista' tisma’ u tiddeċiedi l-każi waħedha. Rapport fit-Times of Malta qal li l-membri tal-Bord jitħallsu skont kemm jiddeċiedu każi u li normalment jaqilgħu madwar €10,000 fis-sena.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministru Bonnici qal li l-liġi tispjega x’kwalifiċi hemm bżonn biex xi ħadd jinħatar fuq dan il-Bord u li l-ġurnalista tissodisfahom. Il-Ministru qal li jħoss li nnomina grupp ta’ membri imħallat, b’kompetenzi u etajiet differenti.
Il-persuni l-oħra li nnomina Owen Bonnici huma Dr Amanda Grech, Joseph Baldacchino, Rodianne Haber, Annette Buhagiar, Kimberly Vella, Silvio Scerri, Carlo Stivala, u Dr Vincent Micallef.
Il-liġi tgħid li l-Bord tal-Petizzjonijiet huwa magħmul minn persuna waħda li tiġi appuntata mill-Ministru konċernat. Minn żmien għal żmien il-Ministru jista’ jaħtar aktar minn Bord wieħed.
Bonnici qal li l-Bord “se jopera kif dejjem opera minn meta twaqqaf”.
Sorsi mill-Aġenzija għas-Sistema tal-Infurzar Lokali li tkellmu mal-gazzetta Times of Malta deskrivew in-nomina tal-ġurnalista bħala “skandaluża” minħabba n-nuqqas ta’ kwalifiċi u bias partiġjan tagħha.