Il-Ministru Leo Brincat f’laqgħa f’Pariġi dwar it-tibdil fil-klima

Malta se tkun rappreżentata mill-Ministru għall-Ambjent u Tibdil fil-Klima Leo Brincat meta llum, madwar 80 Ministru tal-Azzjoni favur il-Klima minn għadd ta’ kontinenti se jiltaqgħu fl-laqgħa informali Ministerjali organizzata f’Pariġi.
Il-Ministri se jkunu mistiedna wkoll biex joħorġu b’proposti konkreti li jistgħu jwasslu għall-konverġenza u qbil dwar kwistjonijiet politiċi li għadhom pendenti fir-rigward tal-abbozz finali li fuqu jista’ jintlaħaq ftehim.
Dan bil-għan li titħaffef it-triq għan-negozjaturi meta jiltaqgħu mill-ġdid f’Pariġi fi tmiem dan ix-xahar, fl-ewwel ġimgħa tal-COP21 wara li l-COP innifsu jkun infetaħ mill-mexxejja ewlenin dinjija li ssoltu jagħlqu flok jiftħu konferenzi globali simili.
Il-Ministru Brincat se jkun akkumpanjat għal dan il-Pre-Cop Meeting Ministerjali mill-Ambaxxatriċi Maltija għall-Azzjoni favur il-Klima, il-Professur Simone Borg.