Il-Ministru Konrad Mizzi jikkonferma li Selmun se jintuża għall-films

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-ispazji viċin il-lukanda u l-Palazz ta’ Selmun se jkunu qed jintużaw għall-produzzjonijiet ta’ films internazzjonali biswit dan is-sit. Dan filwaqt li kkonferma li l-pjanijiet tal-Gvern għall-futur ta’ dan is-sit huma maħsubin biex fil-futur, l-istess sit jintuża għal “skopijiet turistiċi”.

Il-Ministru Mizzi kien qed iwieġeb mistoqsija tal-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar meta staqsa fiex wasal il-proċess tal-bejgħ ta’ dik li qabel kienet il-Lukanda Selmun Palace.

Il-Palazz kien ġie kkumissjonat minn Monte di Pietà fis-seklu 18, qabel ma nbidel f’lukanda f’idejn il-kumpanija Selmun Palace Hotel Company Limited, dik li taqa’ direttament taħt il-kontroll tal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta.

Ftit anqas minn sena ilu, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna kien ħabbar fil-Parlament li l-Palazz u l-lukanda ta’ Selmun kienu se jinbiegħu. Qal li se tiġi kkummissjonata evalwazzjoni teknika dwar l-istat strutturali tal-Palazz, filwaqt li spjega li ż-żona kienet qed tkun mgħassa kontinwament minn persuni tas-sigurtà bi spezzjonijiet minn persuni fil-Ministeru kienu jsiru b’mod regolari.

Dan it-tibdil fl-użu taż-żona wassal lil Cutajar biex jistaqsi lill-Gvern jekk għadux qed jikkunsidra li l-Palazz ta’ Selmun jerġa’ jgħaddi lura għand il-poplu. Żied jistaqsi jekk hemmx il-possibbiltà li l-Palazz u l-Lukanda jgħaddu għand il-Kunsill Lokali Mellieħa kif kien sar fl-2012 bil-kumpless ta’ rziezet li hemm biswit l-istess Palazz.

Il-Ministru Mizzi wieġeb billi qal lid-Deputat Nazzjonalista biex jara t-tweġiba ta’ qabel fejn qal li s-sit se jintuża għall-produzzjoni tal-films.