Il-Ministru Konrad Mizzi jiftaħ libell lil Daphne Caruana Galizia

Il-Ministru Konrad Mizzi wkoll fetaħ libell lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ntqal li l-Ministru talab lill-Qorti biex tisma’ l-każ b’urġenza.
Dr Mizzi qal li l-Oppożizzjoni flimkien ma’ Caruana Galizia qed jigdbu u jitfgħu t-tajn fuqu.
Spjega li hija gidbet meta qalet li ġew mgħoddija xi flus minn jew relatati mal-Ażerbajġan              .
Żied jgħid li apparti li ma kien hemm qatt ebda kont bankarju, l-audit indipendenti li sar minn Crowe Horwath jikkonferma li qatt ma kien hemm tranżazzjonijiet mit-trust u mill-kumpanija. 
Il-Ministru Mizzi qal li Caruana Galizia kompliet tallega li f’daqqa waħda, ‘b’urġenza’ beda jillikwida l-kumpanija fi ħdan it-trust.
Saħaq li din hija gidba u qal li kien diġà stqarr li huwa kien beda l-proċess biex tiġi llikwidata din il-kumpanija fil-bidu ta’ din is-sena.
Intant iċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri wkoll kien fetaħ libell b’urġenza kontra l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
.