Il-Ministru Konrad Mizzi jgħid li Malta trid issir hub tal-gass

Malta għandha l-potenzjal li sservi ta' hub tal-gass bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq.
Dan sostnieh il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi waqt l-ewwel jum tal-Konferenza tal-Enerġija li qed issir f’Malta.
Matul din il-konferenza, Ministri Ewropej qed jiddiskutu l-futur tal-gass fl-Ewropa u l-Mediterran.
Il-konferenza hija maqsuma fuq jumejn, bic-Chairman ikunu l-Ministru Mizzi u l-Kummissarju Ewropew għall-Enerġija Gunther Oettinger.
Hekk kif il-konferenza qed tiġi organizzata bejn Malta, Ċipru u l-Kummissjoni Ewropea, id-diskussjoni infetħet mill-Ministru Mizzi u l-Ministru Ċiprijott għall-Enerġija Yiorgos Lakkotrypis.
Konrad Mizzi qal li l-pożizzjoni ta’ Malta fiċ-ċentru tal-Mediterran hija pożizzjoni strateġika sabiex jiġi diversifikat is-suq tal-gass mill-Afrika.
Il-Ministru Mizzi tkellem ukoll dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea dwar il-gass u l-bżonn li din tiġi diversifikata u msaħħa fin-nofsinhar.
Qal li Malta hija minn ta’ quddiem biex tiżviluppa dan ir-riżors. Il-Ministru Ċiprijott ukoll tkellem dwar il-bżonn ta’ tisħiħ fl-enerġija.
Huwa qal dan fid-dawl li fil-baħar madwar Ċipru instabet ħażna kbira ta’ gass.