Il-Ministru Konrad Mizzi jevita li jitkellem dwar il-kumpanija 17 Black

II-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi evita li jitkellem dwar il-kumpanija 17 Black u l-allegat involviment tiegħu minkejja sejħiet ripetuti min-naħa tal-Oppożizzjoni biex jagħmel dan fil-Parlament.
Id-dibattitu sar fil-Parlament wara stqarrija ministerjali dwar dan il-ftehim għall-fornitura tal-enerġija bejn il-Gvern, l-Enemalta u l-Electrogas magħruf bħala ‘security of supply agreement’ li ġie ffirmat f’Diċembru li għadda.
F'dibattitu mqanqal li spiċċa bħala ‘grilling’, il-Ministru Konrad Mizzi kellu jiffaċċja diversi mistoqsijiet dwar l-involviment fil-kumpanija 17-Black.
Skont ir-rapporti tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU), din il-kumpanija kienet imwaqqfa f’Dubaj biex il-fondi f’kumpanji sigrieti fil-Panama li nfetħu mill-Ministru u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Madanakollu, il-Ministru evita li jitkellem dwar il-kumpanija 17 Black minkejja numru ta’ point of orders min-naħa tal-oppożizzjoni.
Il-Ministru Mizzi kellu jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu minħabba t-talba għat-tneħħija tiegħu
Aktar minn hekk, il-Ministru kellu wkoll jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu dwar is-sehem tiegħu fil-Parlament wara r-rapport tad-delegazzjoni Ewropea li rrakkomandat li jitneħħa minn Ministru u jiġi nvestigat.
Il-Ministru qal li bħala membru elett mill-poplu, hu kellu dritt jieħu sehem fid-dibattitu fil-Parlament waqt li n-negozjati bejn il-Gvern u l-Electrogas kienu jirrikjedu diskussjonijiet twal u kumplikati. 
Il-Ministru għat-Turiżmu ddeskriva dan il-ftehim bejn l-Electrogas u disa’ istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin bħala t-twettieq tal-pjan tal-Gvern fil-qasam tal-enerġija u l-akbar wegħda elettorali li għamel il-Partit Laburista fl-2013.
Huwa qal li l-punt kruċjali ta’ dan il-ftehim huwa roħs fil-kontijiet għall-familji u negozji Maltin u arja iktar nadifa.
Żied jgħid li Gvern Laburista kien sab kriżi kbira fis-settur tal-enerġija, b’dejn ta’ kważi €1 biljun fuq ras il-korporazzjoni tal-Enemalta, proġett tal-Interconnector li hu ddeskriva bhala nofs leħja u twissija mill-Kummissjoni Ewropea biex jirristruttura l-qasam tal-enerġija.
Min-naħa tiegħu l-Ministru tal-Enerġija Joe Mizzi qal li kieku ma sarx l-impjant tal-Electrogas, il-Gvern kien jiffaċċja kriżi fl-enerġija għax kien ikollu jistrieħ fuq l-impjanti qodma tal-Marsa u Delimara jew jitfi partijiet minn Malta.
Huwa qal li l-pass li jmiss f’din ir-road map tal-enerġija huwa l-proġett ta’ pipeline tal-gass bejn Marsaxlokk u Ġela fi Sqallija b’investiment ta’ €320 miljun li għandu jgħaddi minn taħt l-art bejn Wied il-Għajn u Marsaxlokk.
Min-naħa tagħha, l-Oppożizzjoni kkritikat bl-aħrax mhux biss dan il-ftehim iżda wkoll il-proċess li hija sejħet xejn trasparenti li mexa bih il-Gvern fil-Parlament dwar in-negozjati bejn il-Gvern u l-Electrogas.
Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li l-Gvern ippubblika disa’ kuntratti waqt li l-Awdituri Ġenerali stqarr fil-kumitat tal-kontijiet pubbliċi li hu kien eżamina 18-il kuntratt. Hu staqsa lill-Gvern x’sar minnhom id-disa’ kuntratti l-oħra.
Grech qal li l-Oppożizzjoni ma jistax ikollha fiduċja f’dan il-ftehim għax il-Gvern m’għandux għażla min fejn jixtri l-elettriku, iżda jrid jixtri l-elettriku mill-Electrogas bilfors ikun xi jkun il-prezz. Huwa qal li l-kuntratt fih klawsola magħrufa bħala ‘take or pay’ fejn il-Gvern irid jixtri mil-Electrogas jew iħallas multa.
L-ekskap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fakkar il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia f’għeluq it-tliet xhur mill-assassinju tagħha, hekk kif hu qal li kienet hi li kixfet dak li sejjaħ il-korruzzjoni ta’ Konrad Mizzi fil-bejgħ tal-Enemalta. Huwa qal li l-preżenza ta’ Konrad Mizzi fil-Parlament kienet qed tagħmel ħsara lill-pajjiż l-għada tal-pubblikazzjoni tar-rapport tad-delegazzjoni Ewropea li rrakkomandat li jitneħħa minn Ministru u jiġi investigat. Busuttil staqsa lill-Ministru Konrad Mizzi x’kien is-sehem tiegħu fil-kumpanija 17-Black.
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li hija ironika li propju lejliet id-diskussjoni dwar l-isptarijiet tal-Vitals Healthcare Group fejn il-Gvern mistenni ‘jiddefendi lill-ħallelin tal-Vitals li serqulna l-isptarijiet’, il-Gvern qed jiftaħar b’dak li hu meqjus bħala monument ta’ korruzzjoni’ tal-Gvern.
Dr Marlene Farrugia qalet li l-poplu Malti tilef il-kontroll tal-ġenerazzjoni tal-elettriku meta l-Gvern mar kontra l-wegħda li għamel f’Bormla qabel l-elezzjoni li ma kienx se jbigħ l-Enemalta.
Dr Mario DeMarco qal li dan ma kinitx ‘security of supply agreement' iżda ‘security of supply’ għax il-Gvern intrabat li jixtri l-enerġija jkun xi jkun il-prezz.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Konrad Mizzi qal li filwaqt l-Enemalta se jżomm l’hekk imsejħa ‘dispatch rights’ jiġifieri l-Enemalta tagħżel hi min fejn jixtri l-enerġija, il-prezz mill-Interconnector bħalissa huwa d-doppju minn dak ferm vantaġġuż li bħalissa qed jiġi ġġenerat mill-Electrogas. Huwa qal li kieku Malta żammet id-dipendenza tagħha fuq il-Heavy Fuel Oil bil-prezz taż-żejt jogħla għal 70 dollaru, il-prezzijiet tad-dawl kien ikollhom jiżdiedu. Madanakollu repetutament kien konfrontat mid-deputat nazzjonalista Mario de Marco biex jiżvela dan il-prezz vantaġġuż, il-Ministru qal li din kienet informazzjoni sensittiva però l-poplu kien qed jiffranka €82 miljun f’kontijiet.
F’dan id-dibattitu hadu sehem ukoll id-deputati Godfrey Farrugia, David Agius u Hermann Schiavone.