“Il-Ministru jrid jieqaf jaħrab mill-verità fuq il-laqgħa ma’ Fenech” – Cassola

Read in English.

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola sostna li l-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia jrid jagħti spjega ta’ x’kien l-involviment tiegħu fl-inklużjoni tal-Imrieħel bħala żona fejn jistgħu jinbnew it-torrijiet, wara li ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech fl-istess jum li ordna lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar biex l-Imrieħel jitqies bħala żona addattata għall-high-rises. Cassola qal li dan kien xahar u nofs wara li għalqet il-konsultazzjoni pubblika.

Il-laqgħa msemmija ġrat fil-5 ta’ Marzu, 2014, meta l-Ministru Farrugia kien is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-ippjanar. Yorgen Fenech dak iż-żmien kien Direttur tat-Tumas Group, li ftit żmien wara, flimkien ma’ Gasan Holdings, applikaw għall-permess sabiex jibnu erba’ torrijiet fl-Imrieħel. Għalhekk, Cassola insista li jeħtieġ li Farrugia jieqaf jigdeb u jostakola l-fatti.

Yorgen Fenech huwa akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017, u qed jinżamm arrestat sakemm ikomplu l-proċeduri tal-Qorti kontrih.

Arnold Cassola spjega lil Newsbook.com.mt li l-ittra mibgħuta minn Farrugia lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar qatt ma ġiet ippubblikata, u l-pubbliku ma kellu l-ebda idea li l-lokalità kellha tkun inkluża fil-policy. Cassola staqsa għaliex il-Ministru ħass li kellu jintervjeni fil-biċċa.

Din l-informazzjoni nħarġet mill-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia li żvelat kif Yorgen Fenech attenda tal-anqas 26 laqgħa f’Kastilja bejn Ottubru tal-2013 u Marzu tal-2017.

Tagħrif dwar il-laqgħa bejn Fenech u Farrugia
Yorgen Fenech kellu 26 laqgħa f’Kastilja fi ftit aktar minn 3 snin

Prof. Cassola spjega fi stqarrija li meta ġie mistoqsi fuq il-kwistjoni l-ewwel darba, Farrugia qal li l-laqgħa qatt ma ġrat. Meta ġie ffaċċjat bid-dokumentazzjoni uffiċjali li turi li l-laqgħa seħħet, huwa qal li l-laqgħa ma kinitx dwar l-Imrieħel. Imbagħad, il-Ministru qal li d-deċiżjoni dwar l-Imrieħel ittieħdet jiem qabel ma l-ittra ntbagħtet minn kumitat li jevalwa l-policies wara konsultazzjoni pubblika. Qal li f’każijiet bħal dawn, il-Ministru jew Segretarju Parlamentari responsabbli jrid jibgħat dawn id-deċiżjonijiet lill-Kap Eżekuttiv. Madankollu, qal Cassola, meta l-Ministru ntalab jippreżenta l-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat, huwa rrifjuta u qal li m’għadx għandu aċċess għal din id-dokumentazzjoni.

Għaldaqstant, issokta Cassola, jeħtieġ li l-Ministru jieqaf jostakola l-proċess tal-ġustizzja.

Prof. Cassola kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni qed tinvestiga l-ilment tiegħu, li għamel f’Diċembru tal-2019, dwar jekk ir-rigali ta’ valur għoli li kien jagħti Yorgen Fenech lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat kinux influwenzaw id-deċiżjonijiet dwar il-policy, inkluż il-proġett tal-Imrieħel. L-ilment kellu jwassal ukoll biex tiġi investigata r-relazzjoni ta’ Fenech ma’ xi uffiċjali għoljin.

Cassola żied jgħid li qed iżomm lill-Kummissjoni infurmata bl-aħħar żviluppi fuq il-kwistjoni.