Il-Ministru jilmenta fuq xama’ mal-monument; jerġa’ jitneħħa l-mafkar

Il-Ministru Owen Bonnici lmenta fuq ix-xama’ li tħalliet mal-monument tal-Assedju l-Kbir, fejn jitqiegħed il-mafkar tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Huwa weħħel fl-attivisti li “għarrqu monument nazzjonali.” Il-mafkar tal-ġurnalista reġa’ tneħħa wara ġimagħtejn mhux mimsus.

Fuq Facebook dalgħodu, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici indirizza lill-attivisti u staqsiehom jekk hemmx għalfejn jgħarrqu monument nazzjonali biex jesprimu rwieħhom. Huwa fakkar li “kulħadd hu fil-libertà li japplika biex isir monument xieraq.”

Il-Ministru qal li talli qed jara li l-monument jitħares u jitnaddaf b’mod regolari, ittieħed il-qorti mill-NGO Repubblika u din fetħet kawża kostituzzjonali kontrih, li dan ix-xahar mistennija tingħata s-sentenza tagħha.

Intant, oħt il-ġurnalista assassinata kitbet fuq Facebook li l-mafkar reġa’ tneħħa, wara li l-ħaddiema tal-Gvern għamlu ġimagħtejn ma jmissuhx. Staqsiet jekk il-Gvern huwiex qed jipprova jneħħi l-attenzjoni minn fuq xi ħaġa.