“L-ebda evidenza ta’ ħut mejjet f’Birżebbuġa”

Id-Direttorat għall-Konformità u l-Infurzar fi ħdan l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorzi (ERA) ma seta’ jsib l-ebda evidenza ta’ ħut mejjet fil-Port ta’ Birżebbuġa. Dan qalu l-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera fi tweġiba li ta lid-deputat tal-Oppożizzjoni Hermann Schiavone.

F’mistoqsija parlamentari Schiavone staqsa dwar fiex waslet l-investigazzjoni li kellha ssir dwar il-ħut mejjet li qed kien instab fil-Port ta’ Birżebbuġa.

F’Ottubru li għadda l-Professur u Ambaxxatur Malti għall-Oċeani Alan Deidun kien kiteb dwar kif numru kbir ta’ mulett mejjet kien qed jitella’ fuq ix-xatt ta’ Birżebbuġa. Skont Deidun li l-problema kienet ilha għaddejja madwar ħames snin.

AQRA: “Ħut mejjet jittella’ mill-baħar kuljum f’Birżebbuġa”

F’Diċembru l-Ministru Herrera kien ordna lill-Awtorità biex tinvestiga s-sors tal-ħut mejjet. Dan kien ħareġ f’tweġiba għall-mistoqsija minn Schiavone.

AQRA: L-ERA ordnata tinvestiga r-raġuni tal-ħut mejjet f’Birżebbuġa

Fit-tweġiba tiegħu, Herrera saħaq li minħabba li ma nstabet l-ebda evidenza ta’ ħut mejjet, l-investigazzjoni dwar l-allegat imwiet ma setgħetx issir.