Il-Ministru jgħid li ġie bbuljat meta kien żgħir

REUTERS/Vincent Kessler

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonniċi stqarr fil-Parlament li meta kien żgħir għadda minn esperjenzi ta’ bbuljar. 

Dr Bonnici kien qed iwieġeb mistoqsija supplementari tad-deputat Laburista Anthony Agius Deċelis dwar il-vjolenza domestika. Huwa qal li l-ħsieb biss li mhux qed isir biżżejjed fil-qasam edukattiv kontra l-ibbuljar u l-vjolenza domestika ma jħallihx jorqod bil-lejl.

Il-kwistjoni tal-vjolenza domestika reġgħet telgħet fil-wiċċ fl-aħħar jiem, bil-qtil ta’ Chantelle Chetcuti f’Ħaż-Żabbar, li laqtet daqqiet ta’ sikkina mill-eks sieħeb tagħha ta’ 33 sena. Ħareġ illi fl-2013, Chetcuti kienet għamlet rapport lill-pulizija dwar vjolenza domestika.

Intant, fil-Parlament ukoll il-ġimgħa li għaddiet, irriżulta li fl-2019, kien hemm 41 każ ta’ vjolenza domestika fiż-Żejtun, f’Marsaxlokk, f’Ħal Għaxaq u f’Birżebbuġa. L-iżjed lokalità minn dawn l-erbgħa li kellha każijiet kienet iż-Żejtun, b’19-il każ. Warajha kien hemm Birżebbuġa bi 13-il każ u Ħal Għaxaq bi tmien każijiet. F’Marsaxlokk kien hemm każ wieħed biss.

Din l-informazzjoni ġiet preżentata fil-Parlament mill-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri bi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone. Camilleri qal li l-istatistika għal Jannar tal-2020 għadha qed tinġabar.