Il-Ministru Jason Azzopardi jiddiskuti l-futur tan-negozji ż-żgħar

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, in-Negozji ż-Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi tkellem dwar dak li wettaq il-Parit Nazzjonalista sabiex jgħin lin-negozji. Fost oħrajn qal li fis-settur tal-online gaming, l-impjiegi żdiedu bi kważi 7,000. Wiegħed li titwaqqaf entità dedikata lil dan is-settur.

Qal li 94% tal-istudenti tal-ITS isibu xogħol malli jiggradwaw, b’paga tajba. Is-sena d-dieħla mistennija jidħlu 900 student ġdid fl-ITS. Wiegħed li se jinfetaħ l-aqwa kulleġġ vokazzjonali f’Kordin.

Kompla jitkellem dwar it-tnaqqis fil-burokrazija, fejn fost oħrajn semma li min jiftaħ negozju llum il-ġurnata jrid biss jinforma lid-Dipartiment tal-Kummerċ.

Il-Ministru Azzopardi kritika lill-Kap tal-Opposizzjoni meta waqt dibattitu wieġeb b’sempliċi ‘le’ meta kien mistoqsi jekk jaqbilx mal-privatizazzjoni tat-Tarzna. Il-Ministru qal li minkejja li hu stess tifel ta’ eks-ħaddiem tat-Tarzna, xorta jirrikonoxxi l-interess nazzjonali u jagħraf li din kienet qed tixrob €35 miljun f’sussidji.

Waqt l-istess konferenza l-Ministru semma t-tnaqqis ta’ taxxa proposta lil ċertu kategorija ta’ nies li jiftħu negozji. Dawn jinkludu żgħażagħ, negozjanti Għawdxin u nisa.
Kwota statistika Ewropea li tindika li taxxa fuq ix-xogħol f’Malta hija l-inqas waħda fl-Unjoni Ewropea.