Il-Ministru Ian Borg b’applikazzjoni ġdida għal pixxina

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg issottometta applikazzjoni ġdida għal pixxina, wara li f’Ġunju li għadda, il-permess kontroversjali għal pixxina f’art barra miż-żona tal-iżvilupp kienet ġie revokat mill-Qorti tal-Appell.

Fil-Gazzetta tal-Gvern ippubblikata fit-12 ta’ Frar, imniżżla l-applikazzjoni tal-Ministru u martu għal pixxina fi Triq Santa Katerina fir-Rabat.

L-applikazzjoni PA/00867/20 hija għall-bini ta’ pixxina u faċilitajiet anċillari. Hemm imniżżel ukoll li l-pixxina se tkun f’ġibjun eżistenti sabiex ma tittiħidx iżjed art.

F’Ġunju tas-sena li għaddiet, il-Qorti tal-Appell kienet iddeċidiet li l-iżvilupp propost mill-Ministru mhuwiex permess. Hija rrevokat id-deċiżjoni meħuda mit-Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjanar li kien ikkonferma permess li ngħata lill-Ministru mill-Awtorità tal-Ippjanar.

L-appell kien għamlu Noel Ciantar, residenti Ħad-Dingli, ir-raħal minn fejn hu l-Ministru Borg. Il-Qorti kienet aċċettat l-oġġezzjoni ta’ Ciantar li l-Awtorità użat policy mhux applikabbli għal żona rurali biex tbiddel art ODZ f’pixxina u żona rikreazzjonali.