Il-Ministru Herrera se jħalli lil Prinċep George iżomm is-sinna ta’ kelb il-baħar

Read in English.

Wara kritika fuq il-midja, partikolarment dik Ingliża, il-Ministru għall-Kultura Josè Herrera mhux se jkun qed jaħdem biex is-sinna ta’ kelb il-baħar li ngħatat bħala rigal lill-Prinċep George tkun ritornata Malta.

Ilbieraħ Malta kienet qed tippjana li ġġib lura sinna fossili ta’ kelb il-baħar li David Attenborough ta lill-Prinċep George, hekk kif ix-xandar u storiku kixef li kien sab din is-sinna f’Malta waqt btala fis-snin sittin. Ir-rigal sar fi żjara li Attenborough għamel f’Kensington Palace, ir-residenza tal-Prinċep William, id-Dukessa Kate u t-tfal tagħhom. Fil-paġna tagħha, il-familja rjali spjegat li Attenborough kien sab il-fossili tas-sinna tal-megalodon – kelb il-baħar ġgant li hu maħsub li kien jilħaq tul ta’ 15-il metru – fil-franka Maltija, u li din il-fossili għandha madwar 23 miljun sena.

F’kummenti li ta lit-Times of Malta lbieraħ, il-Ministru għall-Kultura José Herrera qal li qed jimmira li jibda l-proċess biex is-sinna tiġi rritornata lura Malta bħala parti mill-wirt naturali tagħha. Il-kummenti ta’ Herrera spiċċaw fuq ħafna media internazzjonali, u l-kritika ma naqsitx.

Kelliema għall-Ministeru għall-Kultura llum ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li l-Ministru Herrera mhux se jkun qed jaħdem biex iġib din il-fossili lura lejn Malta.

Il-kelliema spjegat li l-istorja ta’ Malta u l-formazzjonijiet ġeoloġiċi li jmorru lura għal miljuni ta’ snin jagħmlu l-gżira Maltija post storiku uniku u kulturali. Qalet li minkejja li l-kollezzjoni nazzjonali Maltija ta’ artefatti storiċi hija waħda estensiva u tinstab f’diversi mużewijiet u siti storiċi. Qalet li diversi artefatti ta’ valur konsiderevoli li oriġinarjament kienu Malta iżda spiċċaw f’pajjiżi differenti.

“Bħala nazzjon aħna ferm kburin bl-istorja tagħna u b’hekk permezz tal-aġenziji nazzjonali tal-wirt storiku attivament inkunu qed naraw modi kif nistgħu nirritornaw artefatti ta’ valur intrinsiku lejn il-gżejjer Maltin. Il-kummenti inizjali tal-Ministru kienu bbażati fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali relatata, partikolarment l-Att dwar il-Wirt Kulturali tal-2002 li ħadet post il-leġiżlazzjoni preċedenti li hija l-Att tal-Antikwitajiet tal-1910 u tal-1925. Il-Ministru jrid jinnota li b’referenza għal dan il-każ, mhux l-intenzjoni tiegħu li jkompli jsegwi dan il-każ,” temmet tgħid il-kelliema.